Is-Saltna tad-Dritt

  • Mej 01, 2019 15:49
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Naħseb li ħafna nies illum iddardru jisimgħu dwar is-saltna tad-dritt.  Kull meta nismagħha nibda nistaqsi lili nnifsi, possibli aħna konna qed ngħixu taħt xi dittatorjat fejn iċ-ċittadini m’għandhom l-ebda liberta’, ħadd ma jista’ jiftaħ ħalqu u kulħadd irid ibaxxi rasu għal dak li jgħidlu ta’ fuqu mingħajr l-ebda ħeġġa jew dritt li jipprotesta jew jieħu passi legali.  Meta tisma’ dan taħseb li ma kellna l-ebda liġi u kulħadd jagħmel li jrid.  Qiesu li l-qrati tagħna ma kellhom l-ebda indipendenza u meta tmur il-qorti kollox ikun ippjanat u l-proċeduri kollha huma farsa.

    Din hi l-istampa li qed tingħata ta’ Malta!  Qiesu mnalla li dħalna fl-UE biex nibdew ingawdu xi drittijiet! 

    Veru li fis-Sittinijiet meta konna stat Reliġjuż, ma konniex ‘il bogħod minn hekk.  Konna qiesna l-Iran taħt Khomeini.  Minflok lil Khomeini kellna lil Gonzi u minflok l-Islam kellna l-Knisja Kattolika.  Dak kien żmien ikrah fejn mhux qasma fil-pajjiż kellna iżda anki firda kbira f’ħafna familji.  Kull min ma kienx jaqbel mal-Knisja mhux biss ibati diskriminazzjoni u kien ikun eskluż mill-ħajja soċjali, iżda lanqas biss kien ikollu dritt għal ċerti drittijiet.  Min ma ridtx jiżżewweġ fil-Knisja ma kellu l-ebda alternattiva ħlief jew ipoġġi jew jiżżewweġ barra minn Malta fejn wara jsib li ż-żwieġ tiegħu ma kienx jgħodd hawn Malta.  L-istess jekk ma temminx u ma tagħlaqx ħalqek u żżomm it-twemmin tiegħek mistur, il-post ta’ għalliem qatt ma seta’ jkollok għaliex la fl-iskejjel tal-Knisja u lanqas tal-Gvern ma stajt timpjega ruħek.  

    Iż-żgħażagħ tal-lum lanqas għandhom l-iċken idea ta’ kif kienet Malta dak iż-żmien.  Dak iż-żmien kont noqgħod il-Belt fejn kienet ukoll il-Kurja.  Minn jaf kemm qlajt daqqiet fuq rasi għaliex meta kienet tkun għaddejja l-karozza lussuża tal-Arċisqof u ma kontx ninżel għarkuptejja fit-triq! L-aktar dokument importanti tal-persuna ma kinitx l-ID card, iżda  il-Buluttin, maħruġ mill-Knisja, li kien jingħata lilek darba fis-sena, meta tmur titqarben, u kien irid jinbidel kull sena fil-Knisja.  

    Dak iż-żmien l-Ewropa kienet kuntenta bina.  Qatt ma ġie xi Membru Parlamentari minn xi pajjiż Ewropew jikkritika sew lill-Gvernatur u sew lill-Arċisqof għad-dittatorjat tagħhom.  Konna fuq wiċċ l-idejn għax konna kwieti, naċċettaw kull ħaġa li jgħidulna l-ħakkiema Reliġjużi u dawk Barranin.   

    Konna aħna l-Maltin li biddilna l-affarijiet u bdejna nagħtu d-drittijiet lilna nfusna.  

    Ma kellniex id-drittijiet li għandna llum.  Tajjeb li ngħidu li dawn aħna għamilnihom u ma kien hemm l-ebda barrani li għamel xi pressjoni biex dawn jingħataw.  Dawn daħlu dawn l-aħħar snin.

    Li niskanta hu li meta konna deħlin fl-Unjoni Ewropea lanqas il-libertajiet u drittijiet ma kellna u xorta aċċettawna mingħajr l-ebda problemi, anzi l-indħil li kellna mill-Ewropa biex nipperswadu lin-nies jivvutaw biex nidħlu li qatt ma kellna qabel.  

    Il-mistoqsija tqum waħedha: Allura għaliex issa qed ikun hemm dan l-indħil kollu fit-tmexxija ta’ pajjiżna?  Il-liġijiet u l-proċeduri li qed jikkritikaw kienu l-istess li kienu meta dħalna.  Allura għalfejn issa?  Tgħid għaliex hemm Gvern differenti?  Din mhux Malta biss ġrat.  Jekk nieħdu l-Greċja l-problemi finanzjarji li kellha kien ilhom hemm għal snin sħaħ qiesu ma ġara xejn.  Biss meta nbidel il-Gvern, f’daqqa waħda l-affarijiet ma setgħux jibqgħu l-istess.  U f’daqqa waħda l-UE qamet u bdiet tiddetta l-affarijiet hi fejn ħolqot tbatija kbira għall-maġġoranza tal-familji.

    Fil-każ ta’ Malta l-istess ġara.  Illum għax għandna Gvern differenti, l-affarijiet inbidlu u f’daqqa waħda kollox ħażin għandna.   Bħal ma ġieli ktibt, Malta qatt ma kienet stmata daqshekk ħażin lanqas meta konna kolonja.

    Bl-indħil li hemm minn barra li hu xprunat minn ċerti Maltin se jġib sitwazzjoni li kull deċiżjoni, anki biex tittieħed, trid tmur il-Qorti.  Ir-raġuni hi li qed jinterpretaw il-prinċipju tas-Saltna tad-Dritt ħażin.  Dan għaliex il-prinċipju jgħid li ħadd ma hu ‘l fuq mil-liġi.  Iżda għal dawk li l-ħin kollu jitkellmu fuq is-Saltna tad-Dritt qed jinterpretaw li l-applikazzjoni tal-liġi trid tiġi biss mill-qrati.  Dan qed jinterpretawha hekk għax hekk jaqbillhom!   Ir-raġuni hi li bis-sistema tagħna l-unika ħaġa li taf meta ssemmi l-qrati hi meta ser tidħol u l-ispejjeż kbar li għandek.  Meta ser toħroġ ma tafx.

    Barra minhekk dawn dejjem jemfasizzaw  id-dritt tal-akkużat .  Qed niġu f’sitwazzjoni fejn l-akkużat ser ikollu l-akbar drittijiet a skapitu tal-vittma u s-soċjeta’.  Jekk ser niġu f’sitwazzjoni fejn kollox irid jiġi deċiż mill-Qrati, il-ġustizzja ser issir biss għal dawk li għandhom il-flus u għandhom il-ħin kollu biex jistennew.  Għan-nies komuni li m’għandhomx flus u ħin x’jaħlu, il-ġustizzja ser tkun ħolma li qatt ma tista’ tintlaħaq.

    Hemm raġuni oħra.  Il-qorti biex tiddeċiedi trid tkun ċerta, u kull dubju jmur favur l-akkużat.  Jekk wieħed iħabbel rasu mal-ewwel jittendi li jekk min ikun qed ibażwar ikollu avukat ma ġenbu, ikun diffiċli jekk mhux impossibli li jinstab ħati.  Fil-fatt għalhekk qatt ma kellna Ministri li minkejja tbażwir li għamlu, qatt ma nstabu ħatja u hu diffiċli li takkużahom għax taf li mhux ser tasal.

    B’daqshekk ma jfissirx li s-Saltna tad-Dritt mhux importanti , iżda jekk ser nibqgħu nesaġeraw ser insibu li fejn fis-sittinijiet kien ikollok bżonn qassis il-ħin kollu miegħek, illum ser ikollok bżonn avukat!

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook