SAN GIRGOR... ARMATA EWROPEA... PETE BUTTIGIEG

  • Apr 29, 2019 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    SAN GIRGOR

    Kien ili ma ninżel Marsaxlokk waranofsinhar għal San Girgor. It-temp dis-sena ma tantx inzerta imma l-folla li nġabret xorta kienet ferreħija u fil-burdata li tieħu gost bla ma toqgħod tfettaq. Ir-ristoranti għamlu negozju tajjeb u l-istess il-bejjiegħa tas-suq. Hawn, bil-maqlub tal-aħħar darba li żort l-inħawi, l-Maltin kienu f’maġġoranza kbira fuq it-turisti. 

    Erġajt iltqajt ma’ ħafna ħbieb. Uħud minnhom kien ili x-xhur ma narahom, jekk mhux snin. Bejnietna, faru t-tifkiriet ta’ ikliet li kienu nżammu hawn f’ristoranti li llum bidlu isimhom u sidhom u d-dekor, imma baqgħu jispeċjalizzaw fil-ħut u baqgħu tajba.

    Dnub li kelli nitlaq kmieni ħalli naqsam Malta saċ-Ċirkewwa biex nattendi għal attività politika fis-Sannat. Kien ili ma nsib ruħi f’ambjent daqstant rilassanti minkejja li miżgħud bil-folol.

    ARMATA EWROPEA

    Fiċ-ċentru Laburista taż-Żejtun ftit ilu, stennejt forsi li se tqum xi diskussjoni fuq il-kaċċa u l-insib (li qamet) jew oħra dwar l-immigrazzjoni. Biss stagħġibt li l-akbar interess minn dawk preżenti kienet dwar in-newtralità ta’ Malta u l-politika tad-difiża fl-Ewropa.

    Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar din qed tissemma fl-iżvilupp ta’ politika Ewropea “komuni”. Fostna ftit qed tqanqal interess. Jidher li hemm eċċezzjonjiet għal dan.

    L-argument li qam kien dwar kif Malta għandha tippożizzjona ruħha waqt li qed titfassal dil-politika ta’ “difiża”? Hi politika li tikkuntradixxi in-newtralità ta’ Malta kif stabbilita fil-Kostituzzjoni?

    Imbagħad, jekk se nibqgħu barra mill-politika Ewropea ta’ difiża – se nispiċċaw bla min jista’ jagħtina wens fil-każ li jiżdiedu r-riskji ta’ gwerra? Jew se nispiċċaw inħallsu bil-kontribuzzjonijiet tagħna lill-baġit tal-Unjoni għall-politika ta’ difiża, mingħajr ma nieħdu xejn minnha?

    Fuq kollox: in-newtralità għandha valur?

    Dawn il-mistoqijiet kollha qamu fl-għoxrin minuta li domt fiċ-ċentru!

    PETE BUTTIGIEG

    Ħadt tassew gost naqra dwar Pete Buttigieg f’ġurnali u servizzi tal-aħbarijiet Ewropej ta’ stoffa bħal The Economist, Die Welt u l-BBC News. Kollha taw prominenza lir-rapportaġġi li għamlu dwaru. Deher fuq l-ewwel paġna tal-Welt b’ritratt. Ismu kien fuq il-qoxra tal-Economist. It-tnejn “ilmentaw” li diffiċli ħafna tippronunzja kunjomu imma qiesu l-messaġġ tiegħu politiku bħala qawwi ħafna, għalkemm għadu fil-bidu...

    Buttigieg bħala teenager, kien jiġi vaganza Malta ma’ missieru u niftakru mal-klikka ta’ ħbieb tat-tifla tiegħi. Darba jew tnejn, ħriġthom jieklu – xi tlieta jew erba’ minnhom – f’restorant il-Belt li kien jismu l-Caccopazzo.

    Dejjem qiestu bħala żagħżugħ intelliġenti ħafna, jitkellem bis-sens u soċjevoli. Il-ġurnali Ewropej faħħru l-isforz li qed jagħmel biex jidħol bil-kbir fit-tellieqa presidenzjali li jmiss tal-Istati Uniti. Nixtieqlu kull suċċess.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0