Banek

  • Apr 08, 2019 09:03
  • Miktub minn Alfred Sant

    F’diskursata ta’ malajr ma’ uffiċjal eżekuttiv ta’ bank lokali fissirli kemm qed iħossu frustrat. Skont hu – u naqbel miegħu – funzjoni essenzjali ta’ bank hi li jsellef il-flus b’mod kompetittiv lil imprendituri żgħar li jkunu se jtellqu proġett ta’ investiment fil-linja tagħhom.

    Skont hu, tant qed jinħolqu ostakli burokratiċi biex dan isir li hu u sħabu qed isibu li l-aqwa rwol tagħhom spiċċa dak li jraqqdu l-ħeġġa ta’ min irid jinvesti u jkabbar. Il-ħtija mhijiex tal-bank innifsu. Sempliċement ikollu jsegwi d-direttivi Ewropej biex jissalvagwardjaw kontra l-ħasil tal-flejjes.

    Dwar hekk naqbel mal-għanijiet tal-miżuri li qed jittieħdu minn Brussell u Frankfurt. Imma jidher sew li l-miżuri qed ikollhom impatt ikreh fuq il-modi kif azjendi ċkejkna jistgħu jiffinanzjaw il-proġetti tagħhom.

    Dil-ħaġa mhijiex isseħħ f’Malta biss. Ma nistgħux inħallu jisfaw imblokkati, l-arterji u l-vini finanzjarji li minnhom in-negozji ż-żgħar iwettqu xogħolhom.

    ***

    ĠENNA MITLUFA

    Biżżejjed taqra l-kummenti li jiktbu s-segwaċi tal-PN fil-midja soċjali l-aktar fejn għandhom x’jaqsmu mas-siti tal-ġurnali. L-istess sentiment jinħass fost kelliema ewlenin tal-PN fil-Parlament Malti.

    Għedtha qabel hawn u ntenniha: Id-diskorsi u l-kummenti tagħhom baqgħu ifakkruk fl-ilmenti ta’ xi ħadd li jħossu tturufnat mill-ġenna li kienet tiegħu.

    Hi ħaġa naturali li wara snin twal fil-gvern, partit li jitlef il-ħakma se jħossu mitluf.  Imma għall-PN, dil-ħaġa ġrat aktar minn sitt snin ilu. Xorta, l-mexxejja Nazzjonalisti għadhom jibku dwar li ġralhom, minflok itellgħu viżjoni ġdida ħalli jikkonvinċu lill-poplu li fil-barżakka jġorru aktar minn qrid.

    *** 

    MHUX MALTA BISS!

    Fl-aħħar ġimgħat, jien u niltaqa’ ma’ ċittadini Maltin, ta’ spiss tqum diskussjoni dwar in-numru ta’ barranin li jgħixu fostna. Jissemmew barranin li jsibu xogħol jaqdu klijenti Maltin bħal f’ristoranti jew ħwienet tal-ħwejjeġ. L-ilment hawn ikun kif dawn la jafu jitkellmu bl-Ingliż u wisq anqas bil-Malti. Kif jistgħu jaqduk tajjeb? tqum il-mistoqsija.

    Min jagħmilha għandu punt. Apparti minn nies bla profil publiku li jappartjenu lill-klassi tan-nofs jew “anqas”, smajt anke imprendituri u professjonisti mlaħħqa jgħidu l-istess.

    Imbagħad dil-ġimgħa, f’restorant popolari ta’ Brussell, indunajt li l-qaddejja li qed isservi la kienet taf bil-Franċiż, la bil-Fjamand u lanqas bl-Ingliż. Hi u l-klijenti tħabtu biex isibu mod kif jiftehmu bejniethom.

    Il-problema ma teżistix f’Malta biss! Bilfors tqum f’Ewropa li fetħet il-fruntieri u ħalliet il-membri kollha tagħha jilqgħu fosthom iċ-ċittadini ta’ xulxin. Wara kollox, daqs Malta jekk mhux aktar, f’imkejjen Ewropej oħra, parti sostanzjali tal-popolazzjoni hi magħmula minn stranġieri. Ħafna mill-klijenti tar-ristorant popolari fejn kont fi Brussell, ma kinux Belġjani.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0