Malta u ċ-Ċina

  • Mar 30, 2019 08:26
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Noti kurrenti:  Kien hemm tlett affarijiet li laqtuni dan l-aħħar jiem.  L-ewwel kienet li wara 18-il sena, l-Air Malta għamlet qligħ.  Dan kien importanti ħafna għaliex kumpanija ma tistax tibqa’ tagħmel telf u għajnejn il-Kummissjoni Ewropea kien fuqha. Għaż-żgħażagħ forsi l-Air Malta mhix importanti għaliex illum hemm linji oħra tal-ajru.  Biss tajjeb li wieħed jiftakar li dawn il-kumpaniji daqs kemm jiġu malajr, jisparixxu malajr jekk jaraw li ma hemmx qligħ.  Meta jiġri dan nerġgħu mmorru lura għal qabel l-Air Malta fejn lanqas biss kellna titjira kuljum la lejn Londra u lanqas Ruma.   Prosit sew lill-management u sew lill-ħaddiema tal-Air Malta.

    It-tieni punt hu t-twaqqif tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta.  Din twaqqfet biex tkompli x-xogħol li għamlet l-organizzazzjoni ta’ Valletta 18 li mhux biss reġgħet tat il-ħajja lill-Belt iżda offriet opportunitajiet li qatt ma kellna bħalhom għal dawk li għandhom ħiliet fl-arti.  Nemmen li t-tim li mexxa l-organizzazzjoni ta’ Valletta 18 u li issa ser jieħu t-tmexxija ta’ din il-Fondazzjoni ser ipoġġi dawk l-affarijiet fuq bażi permanenti.  Wara dan il-pass, nemmen li jrid jiftaħ bibien ġodda għall-ibliet l-oħra.  

    It-tielet hi li meta qed niċċelebraw l-40 anniversarju ta’ Jum il-Ħelsien, il-Parlament Ewropew qed jara kif itebba’ u jkasbar isem Malta.  Aħna li niftakru ż-żmien kolonjali, niftakru wkoll li qatt ma għaddejna minn tkasbir bħal dan lanqas meta konna kolonja.  Hu għalhekk li f’Mejju, irridu nużaw il-vot tagħna tajjeb.

    Malta u c-Ċina:  Ma’ l-ewwel daqqa t’għajn ma tantx tara affarijiet li jixxiebħu.  Waħda qegħda fil-Mediterran u l-oħra fl-Asja.  Waħda kbira immens u l-oħra tikka.  Waħda għandha l-biljuni ta’ nies u l-oħra lanqas għadna lħaqna nofs miljun ruħ.  Allura fejn nixxibħu.

    Bħalissa hemm żewġ aspetti fejn nixxibħu ħafna.  L-ewwel aspett hu dak ekonomiku.  Iż-żewġ pajjiżi għandhom ekonomija b’saħħitha li qed tikber.  L-ekonomiji tagħhom qed jiżviluppaw b’mod mgħaġġel.  Jekk nieħdu l-ekonomija Maltija, naraw li dħalna f’oqsma ġodda speċjalment fit-teknoloġija diġitali.  Dan qatt ma kien qasam b’saħħtu f’Malta iżda issa hu.  Mhux biss qed ikabbar l-ekonomija tagħna iżda fetħilna bibien ġodda.  Qed nagħtu l-opportunita’ fejn il-Maltin, speċjalment iż-żgħażagħ tagħna jistgħu jimirħu bit-talenti li għandhom.  Qabel kienet trid tkun qara f’mitt qamar li xi żagħżugħ Malti jista jagħmel suċċess f’dan il-qasam.  Mhux għax ma kellniex żgħażagħ tajbin iżda l-opportunita’ kienet il-bogħod.  Illum din l-opportunita’ hi wara l-għatba ta’ biebna.  

    Iċ-Ċina llum saret ġgant teknoloġiku.  Ftit Maltin jemmnu dan għaliex għadna bl-idea li l-prodotti tagħhom mhux tajbin u kollox jikkupjaw.  Seta’ kien hemm żmien ta’ dan, iżda żgur mhux illum.  Għal dawk in-nies tal-eta’ tiegħi jiftakru li meta konna żgħar din kienet l-idea preċiż tagħna tal-Ġappun.   Ma naħsibx li din l-idea għadha hemm fuq il-Ġappun anzi dan narawh bħala ġgant teknoloġiku.  

    Illum iċ-Ċina hekk saret – ġgant teknoloġiku.  Jekk nieħdu l-avvanzi li għamlu f’dan il-qasam, dawn huma kbar.  Ma tantx irridu mmorru l-bogħod għax dan narawh fil-prodotti tagħhom speċjalment fil-qasam tal-ismart phones u l-computers.  Fil-qasam teknoloġiku diġitali dawn għamlu avvanzi kbar u llum huma minn ta’ quddiem fit-teknoloġija 5g li ser tkun il-bażi tat-teknoloġija fil-futur.  Biss illum iċ-Ċina mhux f’dan il-qasam biss għamlet avvanzi kbar.  Jekk nieħdu t-teknoloġija tal-batteriji, li huma l-bażi tal-karozzi elettriċi, ic-Ċina hi minn ta’ quddiem.  

    Qasam ieħor fejn għaddiet il-pajjiżi oħra hi fil-qasam tal-panelli tax-xemx.  L-idea tagħna taċ-Ċina hi ta’ pajjiż mimli duħħan li ħerġin miċ-ċmieni tal-industrija Ċiniża.  Għad hemm minnhom, biss illum min hu serju jagħraf li ċ-Ċina anki f’dan il-qasam għamlet qabża kbira.  Dan għaliex huma nies innovattivi.  Eżempju ta’ dan hu l-highway li bnew fejn l-art hi panelli tax-xemx.  

    Biss l-avvanzi mhux biss huma limitati għal dan il-qasam.  L-akbar suċċess li ftit smajna dwaru u li xxokkja pajjiżi kbar bħal l-Istati Uniti, hu li ċ-Ċina irnexxielha tibgħat vettura spazjali fuq il-qamar.  Mhux biss irnexxielha tibgħat din il-vettura fuq il-qamar iżda irnexxielha tibgħatha fuq in-naħa tal-qamar li ma tidhirx mid-dinja.  Peress li din in-naħa tal-qamar ma tidhirx mid-dinja, kien hemm bżonn teknoloġiji avvanzati ħafna u l-ebda pajjiż ieħor ma rnexxielu jagħmel dan.

    Dawn is-suċċessi ġabu magħhom problema kbira.  Din hi l-għira ta’ pajjiżi oħra.  Fil-fatt sew Malta u ċ-Ċina huma taħt l-ispotlight tal-Unjoni Ewropea.  Iċ-Ċina hi wkoll taħt l-ispotlight tal-Istati Uniti peress li l-Istati Uniti qed tħoss is-supremazija tagħha mhedda għaliex iċ-Ċina f’ċerti oqsma għaddietha.  

    Din l-għira qed twassal għal ħafna tfixkil.  Fil-każ ta’ Malta din hi aktar ikkomplikata għaliex hemm Maltin li għall-interessi tagħhom qed ixewxu minn ġewwa.  Li mhux qed jirrealizzaw hu li l-ħsara qed issir lill-Maltin u l-Għawdxin kollha.  L-aktar li ser ibatu huma dawk l-istudenti speċjalment dawk universitarji. Nispera li din il-ħsara ma tkomplix u nittama wkoll li dawk li qed jagħmlu l-ħsara isimhom jibqa’ mniżżel fl-istorja ta’ Malta.  

    Jekk ċerti miżuri li qed jinħmew fl-Ewropa jsiru realta’ addio l-ġid li għandna bħalissa għaliex insiru bħal Lampedusa fejn ħlief agrikoltura u sajd m’għandhomx. Kif isir dan, l-industrija u s-setturi tal-finanzi u s-setturi tat-teknoloġija diġitali jisparixxu minn Malta.  L-akbar theddida hi jekk dawk il-pajjiżi kbar jirnexxielhom iġibu t-taxxi kollha l-istess fl-UE.  Jekk isir dan l-ewwel ħaġa li tolqotna hi li t-taxxi tagħna ser ikollhom jiżdiedu sew.  It-tieni hi li ma jkun hemm xejn li jista’ jattira lil dawk l-oqsma lejn Malta.  Forsi l-unika ħaġa li tħajjarhom tkun il-pagi tagħna għaliex dawn ikollhom jinżlu u għalhekk l-unika ħaġa li nkunu nistgħu noffru hu c-cheap labour.  

    Min-naħa l-oħra jekk l-UE tibda tirrestrinġi l-kummerċ ħieles maċ-Ċina biex tiddefendi l-industriji li waqgħu lura u l-burokrazija mmens li għandha, aħna wkoll ser nintlaqtu.  L-ewwel ħaġa ser tkun li l-affarijiet miċ-Ċina ser jogħlew u dan jolqotna peress li indirettament jgħolli l-ħajja.  Dan diġa’ qed narawh minħabba l-burokrazija li l-konsumaturi qed jiffaċċjaw meta jixtru fuq l-internet.  

    It-tieni daqqa hi li tibda ssir pressjoni biex naħdmu biss ma kumpaniji Ewropej.  Għalkemm dan il-qasam għandna nsaħħuh, dan ma jkunx biżżejjed.  Biex inkomplu nimxu ‘l quddiem għandna bżonn biex nattiraw aktar investiment speċjalment miċ-Ċina f’dawk l-oqsma li huma avvanzati ħafna aktar mill-Ewropej u li ser ikunu l-bażi tal-ħajja futura.  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook