DIBATTITU DWAR GĦAWDEX... RONNIE PELLEGRINI... RAĦAL ĠDID

  • Mar 14, 2019 08:17
  • Miktub minn Alfred Sant

    DIBATTITU DWAR GĦAWDEX

    F’dibattitu publiku dwar Għawdex li ħadt sehem fih, qamu s-suġġetti li ilhom jitilgħu f’laqgħat simili. Kollha marbuta mal-problemi tal-konnettività. Dawn għadhom jikkawżaw it-tluq ta’ bosta Għawdxin li jmorru jgħixu Malta, inkonvenjenzi kbar għal Għawdxin oħra li jaħdmu Malta u nuqqas ta’ investiment f’oqsma ta’ fejda.

    Ċerti aspetti tan-nuqqas ta’ konnettività li jeżisti madankollu jħalluni perpless. Kollox sew, se tinbena mina bejn iż-żewġ gżejjer. Taqbel magħha jew le, bilfors taqbel li baqagħlha ftit tas-snin qabel tkun operattiva.

    Sadattant trid issir ħidma biex il-problemi tal-konnettività ma jitħallewx jirrankaw. Pereżempju, il-volum ta’ traffiku tal-passiġġieri bejn il-gżejjer jiġġustifika li jidħol vapur ġdid fil-flotta tal-Gożo Channel. Jiġġustifika li t-taħwida legali dwar il-ħolqien tas-servizz fast ferry tiġi maħlula bla dewmien. Kif ukoll li tingħata priorità totali lill-cable li kellu jidħol bejn Malta u Għawdex ħalli s-servizzi tal-internet hemm ikunu fl-aktar verżjoni moderna possibli.

    Għaliex dawn l-inizjattivi baqgħu donnhom iġġammjati?

    RONNIE PELLEGRINI

    Kont naf li l-marda ta’ Ronnie kienet serja imma l-aħħar li rajtu, xi ġimagħtejn qabel, kien għadu mimli rieda. Sal-bidu ta’ dil-ġimgħa rebħitlu.

    Sirt nafu tajjeb ilu ħafna, meta hu kien shop steward għall-ħaddiema tal-kumpanija Bortex u jien kont chairman tal-bord. Iż-żminijiet kienu diffiċli għax l-industrija tal-ħwejjeġ kienet qed titlef mill-kompetittività. Mhux darba jew tnejn kellna konfronti iebsa.

    Wara, kellna battibekki ta’ natura differenti meta jien kont President tal-Partit Laburista u hu mexxej ewlieni taż-żgħażagħ Laburisti, tat-tendenza “Lorry Sant”, kif kienet magħrufa. Matul is-snin, apprezzajt dejjem aktar in-natural tiegħu: lest għall-konfront imma ġenwin u leali fuq kollox lejn il-Partit Laburista u l-GWU.  Drajt nafdah mija fil-mija u qatt ma ddispjaċieni. Sirna u bqajna ħbieb.

    Iffaċċja l-marda li ħakmitu b’kuraġġ sod, li ammirajt. Se nimmissja l-pariri, l-appoġġ u l-enerġija tiegħu. Kondoljanzi profondi lil martu u l-familja kollha tiegħu. 

    RAĦAL ĠDID

    Il-pjazza ta’ Raħal il-Ġdid f’temp li jqarreb għal wieħed tar-rebbiegħa saret post mill-isbaħ... jew issir meta s-siġar ġodda mħawla fiha jieħdu sura sħiħa. Kont hemm filgħodu għal tmiem il-ġimgħa u l-atmosfera kienet waħda ferreħija.

    Ma’ kull min tkellimt, sibt qbil li l-post għamel qabża ’l quddiem fil-kwalità. B’ilment wieħed: dwar kif it-traffiku ġie sistematiżżat għax b’mod differenti minn qabel. Naħseb li dan eventwalment jindara. Anke jien ħadt falza stikka meta ġejt biex indur bil-karozza lejn il-pjazza...

    Wara kollox, nisimgħu ħafna tgergir dwar xinhu għaddej fit-toroq u fil-pjazez tagħna. Hu bix-xieraq li meta xi bidla f’dal-qasam tkun qed tirnexxi, tingħata wkoll rikonoxximent.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0