L-Awtoritajiet

  • Fra 19, 2019 09:00
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Illum tħares fejn tħares tara xi Awtorita’ għaliex tista’ tgħid li kull qasam għandu xi Awtorita’ li tirregola xi aspett ta’ dan il-qasam.  L-Awtoritajiet inħolqu biex ikun hemm aktar effiċjenza.  Dan minħabba li jkun hemm aktar speċjalizazzjoni u aktar indipendenza fis-sens li mhux kull ħaġa trid tgħaddi mill-Ministeru.  Sintendi kull Awtorita’ trid tmexxi l-politika tal-gvern tal-ġurnata.

    L-Awtoritajiet għandhom rwol importanti għaliex iridu jmexxu l-qasam tagħhom.  Biss l-aktar ħaġa li tiskantani hi n-nuqqas ta’ preżenza tagħhom biex jieħdu responsabbilta’ pubblika tat-tmexxija tal-qasam.  Meta jkun hemm xi kwistjoni, hu l-Ministru responsabbli li jwieġeb, għax dawn jibqgħu fommhom sieket.  Li kieku ma jweġibx il-Ministru responsabbli, iċ-ċittadini jibqgħu mingħajr ma jkunu jafu vera x’qed jiġri. 

    Bħal ma semmejt, l-għanijiet prinċipali u targets li jridu jintlaħqu huma xi ħaġa li jiġu deċiżi mill-gvern tal-ġurnata.  Irridu niftakru li partit jkollu programm elettorali meta jersaq għall-elezzjoni.  Dan il-partit li jirbaħ l-elezzjoni jorbot lill-gvern u lill-Awtoritajiet bil-programm tiegħu.

    Imma dan ma jfissirx li l-Awtoritajiet m’għandhomx rwol.  Ir-rwol tagħhom hi li jaraw kif ser jintlaħqu dawn l-għanijiet b’mod effiċjenti.  B’mod effiċjenti jfisser li l-affarijiet isiru bl-aktar mod effettiv biex sew l-operaturi u sew il-konsumaturi jkollhom id-drittijiet tagħhom imħarsa.  Min-naħa l-operaturi l-interess tagħhom hu li s-suq jikber u jibqa’ kompetittiv.  Biex isir dan irid ikun hemm anqas burokrazija iżda assigurazzjoni li l-obbligi jkunu japplikaw għal kulħadd.  Min-naħa l-oħra, iridu jaraw li l-konsumaturi għandhom id-drittijiet tagħhom imħarsa u li jkunu qed jieħdu wkoll benefiċċju.

    Hu f’dan il-qasam li l-aktar li qed ifallu l-Awtoritajiet tagħna.  Ħa nsemmu eżempju li qam riċentament.  Ftit tal-ġimgħat ilu l-GRTU kienet bdiet tieħu azzjoni fil-qasam tal-pompi tal-fjuil minħabba l-obbligi li dawn il-pompi għandhom biex itellgħu l-istandards tagħhom skont standards Ewropej.  Fl-2011 kien sar ftehim magħhom li dawn iridu jtellgħu l-istandards tagħhom sal-2020 u biex jaslu għal dan kienu ser jingħataw żieda fil-prezz tal-petrol.  Ġara, bħal ma jiġri s-soltu li għandek xi wħud li rrangaw il-pompi tagħhom tul iż-żmien biex ma jkollhomx problemi fl-aħħar.  Oħrajn ġew jaqgħu u jqumu u ma għamlu l-ebda tibdil fil-pompi tagħhom u dik iż-żieda dawruha fi profitt akbar. 

    Allura l-Awtorita’ responsabbli, qabel il-Malta Resourses Authority (MRA0) u issa Regulator for Energy and Water Services (REWS), fejn jidħlu?  Bħala Awtorita’ kellhom żewġ dmirijiet – waħda li jaraw li l-ftehim li kien sar jekk kienx wieħed tajjeb.  Għaliex qed ngħid dan?  Dan il-ftehim kellu żewġ difetti.  L-ewwel difett kien li ma kien fih xejn biex tal-pompi iżommu mal-ftehim. It-tieni difett kien li dan il-ftehim ma kellux pjan li tul iż-żmien iridu jsiru it-tibdiliet meħtieġa ftit ftit.  Kien dmir tal-Awtorita’ responsabbli ta’ dak iż-żmien li tinforma lill-Gvern bin-nuqqasijiet li kellu u tagħmel pressjoni biex dawn l-affarijiet jidħlu fil-ftehim.

    Li kieku sar dan, u din l-Awtorita’ rat li l-ftehim kien qiegħed jaħdem tajjeb, din il-problema ma kinitx tinqala’. Fil-fatt, minħabba dawn in-nuqqasijiet ta’ dan il-ftehim, il-Gvern ma kellux għażla oħra ħlief li jerġa’ jdaħħal idu fil-but u joħroġ il-flus biex dawn ir-responsabbiltajiet jintlaħqu.  Li kieku ma sarx dan, kien ikun hemm żewġ problemi – waħda li l-konsumaturi jibqgħu mingħajr petrol jew jerġgħu jħallsu prezz aktar għoli.  It-tieni problema kienet li jekk ma jintlaħqux l-istandards sas-sena d-dieħla, Malta kienet  tkun esposta għal multi mill-UE.

    Forsi hemm min jgħid li l-Awtorita’ ma kelliex tort għaliex il-Gvern ta’ dak iż-żmien ried hekk.  Personalment nemmen li kieku sar dan, l-Awtorita’ kellha d-dmir li tinforma lill-pubbliku fuq is-suġġerimenti tagħha.  It-tieni setgħet li kull sena toħroġ rapport fuq il-qagħda kif inhi u tinforma l-pubbliku min laħaq dawk l-istandards u min kien għadu ma laħaqhomx.  Kieku sar dan, żgur li kienet tkun pressjoni biżżejjed biex kulħadd iżomm mal-ftehim li ntlaħaq.  Dan kien jiġri minħabba li l-konsumaturi kienu jaraw li jixtru l-petrol mingħand min laħaq l-istandards. 

    Dan kien eżempju, wieħed.  Hemm eżempju ieħor li llum ma jissemmiex.  Hemm il-ftehim li kien sar fl-2015 mal-operaturi li kienu jqassmu ċ-ċilindri tal-gas.  Il-ftehim li kellhom, kien jagħti monopolju lil dawn l-operaturi. Mhux biss l-ebda operatur ġdid ma setax jidħol fis-suq, iżda kull wieħed minnhom kellu monopolju.  Dan il-ftehim kien kontra l-liġi u anki kontra d-Direttivi tal-UE fejn tidħol il-kompetizzjoni. 

    Fl-2015, il-Gvern fetaħ is-suq u operaturi ġodda setgħu jidħlu jqassmu huma wkoll iċ-ċilindri tal-gas.  Il-Gvern iddeċieda lil dawk li kellohom monopolju jagħtihom kumpens.  Peress li dawn ma kienx ħaqqhom l-ebda kumpens għaliex kellhom monopolju, il-Gvern daħħalhom f’ċertu obbligi biex itejbu s-servizz biex ikun jista’ jagħtihom kumpens.  Dan il-kumpens qed joħduh iżda l-obbligi mhux isegwuhom.  Fost dawn l-obbligi kellhom li jibdew jagħtu l-irċevuti u li jagħmlu call centre.  Tafu aktar minni li minn dan ma sar xejn u s-servizz għadu l-istess bħal ma kien qabel.  L-unika ħaġa differenti hi li llum għandek aktar operaturi biex iqassmu dawn iċ-ċilindri filwaqt li l-oħrajn jieħdu kumpens ta’ xejn.

    L-Awtorita’ responsabbli taf b’dan, iżda ma tagħmel xejn, li ma tmurx iċċaqlaq id-dgħajsa biex dawn l-obbligi jiġu segwiti u l-konsumaturi jieħdu servizz aħjar! Illum semmejt lil dawn iż-żewġ Awtoritajiet.  Biss l-oħrajn mhux aħjar minnhom għax tmiss ma fejn tmiss tħoss ir-reżistenza biex isir xi ħaġa għall-aħjar. 

    Dawn huma tip ta’ Awtoritajiet li għandna fejn l-għan tagħhom ħafna drabi hu biss li jħallu kollox miexi kif inhu, meta suppost qed jaraw li l-affarijiet jinbidlu għall-aħjar.  Din l-apatija toħroġ aktar fiċ-ċar għaliex in-nies lanqas it-tajjeb li jagħmlu dawn l-Awtoritajiet ma jafu! 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook