L-Oqsma tad-Djar

  • Fra 06, 2019 08:11
  • Miktub minn Chris Fearne

    L-Oqsma tad-Djar li għandna mferrxin ma’ Malta u Għawdex huma primarjament ħidma ta’ Gvernijiet Laburisti tas-Snin Sebgħin u Tmenin. Tul dawk is-snin Gvernijiet Laburisti kienu litteralment refgħu lil ħafna u ħafna nies minn xagħarhom u provdewlhom saqaf fuq rashom. U jekk ma provdewx binja lesta għajr għal affarijiet żgħar, provdew bċejjeċ ta’ art, plots, fejn iċ-ċittadin seta’ jibni daru. Bċejjeċ ta’ art bi ftit flus. U mhux biss, imma Gvern Laburista kien ħoloq ukoll entità bankarja, Lohumbus, li mingħandha dawk li kienu riedu jibnu jew jixtru darhom kienu jisselfu b’imgħax relattivament baxx bil-kapital jitħallas lura fuq medda twila ta’ snin. Kienet politika li kkontribwiet bil-kbir biex illum persentaġġ qawwi ħafna taċ-ċittadini tagħna huma sidien ta’ djarhom. 

    Tant kienu nbnew Oqsma tad-Djar li tista’ tgħid li b’riżultat t’hekk inbidlet ħafna mill-fisonomija tal-irħula u bliet tagħna. Dan peress li minnhom infushom kienu żvilupp qawwi li mbagħad wassal għal aktar żvilupp min-naħa tal-privat. Oqsma ta’ Djar li kellhom impatt qawwi ħafna fuq il-livell ta’ għixien għax mhux ftit kienu dawk li ngħataw l-opportunità jitilqu minn ħafna binjiet antiki, fosthom kerrejjiet, li kienu neqsin tista’ tgħid mill-ħtiġijiet bażiċi għal ħajja diċenti.

    Fejn jirrigwarda Oqsma tad-Djar Gvern Laburista qiegħed ikompli fejn kien ħalla. Fil-Programm Elettorali għall-Elezzjoni Ġenerali ta’ Ġunju 2017 fil-Kapitlu Housing konna wegħedna li “inwettqu l-akbar pjan ta’ riġenerazzjoni ta’ housing estates eżistenti primarjament billi jsir tisbiħ ġenerali tal-akwata, asfaltar ta’ toroq u dwal, flimkien ma’ manutenzjoni u tisbiħ f’kull blokka tal-Gvern”.

    Wegħda li l-kollegi Michael Falzon, Ministru għall-Familja, Drittijiet tat-Tfal u Solidarjetà Soċjali u Roderick Galdes, Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali qegħdin jimplimentaw fil-konkret. Għaddejjin bi programm ta’ rinovar ta’ 30 qasam tad-djar f’10 lokalitajiet differenti li permezz t’hekk se jkunu qegħdin jibbenefikaw  220 familja. Dan wara li fil-bidu ta’ din il-leġiżlatura kien sar l-istess fi 63 blokka appartamenti oħrajn f’diversi oqsma tad-djar.

    Il-Gvern qiegħed jieħu ħsieb ukoll li fil-blokok ta’ appartamenti bħal dawn qegħdin ikunu installati wkoll il-liftijiet biex b’hekk dawn l-appartamenti jibqgħu joffru post għal għixien adegwat liċ-ċittadini li jgħixu fihom. Huwa fid-dmir ta’ kulħadd, inkluż tal-inkwilini, li l-Oqsma tad-Djar jinżammu fi stat tajjeb u nadif.

    Il-Gvern jinsab konxju li s-suċċess ekonomiku li għaddej minnu l-pajjiż ħoloq ukoll sfidi ġodda relatati kemm mal-prezz tal-kirjiet kif ukoll mal-prezzijiet tal-proprjetà. Il-Gvern jinsab konxju wkoll mid-domanda pjuttost sinifikanti għal housing soċjali. Bħal kull problema oħra l-Gvern mhux lest li jwaddab din il-problema taħt it-tapit. Bħal f’kull problema oħra l-Gvern qed jara fiha sfida u se jidħol għaliha u huwa għalhekk li se jkun qed jimbarka fuq proġett ta’ bini ta’ 1,000 appartament u b’hekk ikun qed jilqa’ sewwa għad-domanda attwali.

    Wegħda, li bħal kull wegħda oħra, se tkun qed titwettaq.

    RITRATT: Il-proġett tal-housing soċjali f'Bormla

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0