F’għaxar snin biss!

  • Jan 23, 2019 08:15
  • Miktub minn Chris Fearne

    X’aktarx li meta tkun qiegħed waqt konverżazzjoni ma’ xiħadd u jissemma’ avveniment li minn fuqu jkunu għaddew għaxar snin tesklama li “diġà għaddew għaxar snin minn dakinhar, kif itir iż-żmien, qisu leħħa ta’ berqa!” Dan japplika għal kollox, inkluż għal storja ta’ pajjiż. Madankollu storja ta’ pajjiż, bħal kull ħaġa oħra, tista’ tirriżulta li tkun marret għall-agħar milli kienet jew l-oppost, tkun tjiebet. Tista’ tkun tjiebet bi ftit jew tista’ tkun tjiebet b’mod qawwi. U tkun tjiebet tant b’mod qawwi li għal mument ma tirrealizzax kemm ikun sar progress f’qasir żmien.

    Ma nkunux barra minn lokna jekk ngħidu li din hija l-istorja ta’ pajjiżna. Tul l-għaxar snin li għaddew pajjiżna rreġistra progress sostanzjali tista’ tgħid f’kull qasam. Ftit, u ftit ferm, huma l-oqsma fejn ma rreġistrajnix progress qawwi. Illum nagħti biss żewġ eżempji.

    Nibda mill-qasam tax-xogħol, għax wara kollox huwa x-xogħol li jdawwar ir-rota tal-pajjiż. Huwa x-xogħol li jirrifletti l-qagħda li jkun jinsab fiha l-pajjiż partikolari. Għaxar snin ilu kellna aktar minn 6,000 ruħ jirreġistraw għax-xogħol. Illum għandna madwar 1,800. Imma dan ma jfissirx li f’dawn l-aħħar għaxar snin sabu impjieg 4,200 ruħ biss, id-differenza bejn 6,000 u 1,800. Ikkunsidra kemm huwa l-ammont ta’ Maltin u Għawdxin li tul dawn l-aħħar għaxar snin laħqu l-età li jidħlu fid-dinja tax-xogħol u sabu impjieg. Ikkunsidra kemm ġew ħaddiema barranin tul dawn l-aħħar għaxar snin. Ikkunsidra kemm-il mara daħlet għall-ewwel darba fid-dinja tax-xogħol jew kemm-il mara reġgħet lura fid-dinja tax-xogħol b’riżultat ta’ childcare b’xejn għal kull min jaħdem jew jistudja fultajm.

    Ir-realtà ma jista’ jmeriha ħadd. Illum ninsabu f’sitwazzjoni fejn filwaqt li għaxar snin ilu l-problema kienet in-nuqqas ta’ xogħol, illum l-problema hija ħafna xogħol u nuqqas ta’ ħaddiema. L-attwalità hija li m’hawnx biżżejjed nies biex ilaħħqu max-xogħol kollu li qiegħed jinħoloq f’pajjiżna. Sitwazzjoni li effett dirett tagħha huwa li tjiebu l-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-ħaddiema. Illum il-ħaddiem Malti u Għawdxi għandu mnejn jagħżel.

    Qasam ieħor li fih rreġistrajna progress kbir f’terminu ta’ żmien daqstant qasir huwa l-qasam tas-saħħa. Tista’ tibda mnejn trid f’dan il-qasam. Huwa minnu jew le li sa għaxar snin ilu lanqas kont tissogra ssemmi l-qasam tas-saħħa minħabba l-livell li kien jinsab fih? Veru jew le li llum, għaxar snin biss wara, pajjiżna ġie klassifikat fost l-aqwa għaxar pajjiżi fid-dinja kollha fejn jirrigwarda servizzi tas-saħħa? Riċentement pajjiżna ġie klassifikat fid-disa’ post fost il-pajjiżi kollha tad-dinja. Pajjiż daqs naqra, nieqes minn  kull riżors naturali imma li joffri u jipprovdi servizz tas-saħħa mill-aqwa liċ-ċittadini tiegħu b’xejn u f’kull mument. X’differenza llum minn għaxar snin ilu fejn jirrigwarda mediċini b’xejn. Għaxar snin ilu l-ordni tal-ġurnata kienet li mediċini aktar jispikkaw fin-nuqqas tagħhom milli fil-provvista. Illum, jekk ikun hawn mediċina waħda biss nieqsa mis-suq għal ftit jiem tispiċċa b’salt Mistqosijiet Parlamentari,  tiddomina l-ewwel paġni tal-ġurnali u tkun fost l-istejjer l-aktar li jkunu qegħdin iduru fuq il-midja soċjali.

    Irreferejt biss għal żewġ oqsma, u b’mod leġġer ħafna imma biżżejjed biex flimkien niftakru mnejn tlaqna u fejn ninsabu llum wara biss għaxar snin. Għal dan għandu mertu l-Gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru Joseph Muscat li għaraf jistimula lil kulħadd f’direzzjoni li tagħmlilna unur bħala poplu u li timliena bil-kuraġġ biex inkomplu nibnu fuq dak li għamilna s’issa

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0