Plastik

  • Set 10, 2018 14:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ma jirnexxilix nifga tbissima qarsa kull meta nisma’ jew niġi wiċċ imb’wiċċ ma’ xinhu jitwettaq fill-kampanja Ewropea li għaddejja bħalissa għal-limitazzjoni u l-kontroll fuq l-użu tal-plastik. Naqbel ma’ dil-kampanja għax veru d-dinja qed taffaċċja kriżi bil-volumi ta’ skart tal-plastikk li qed jiżgħudu kullimkien, mhux l-anqas ibħra.

    Imma r-regoli tal-Unjoni Ewropea sal-lum jaħtu bil-kbir għal dan il-fenomenu. Niftakar kif meta saru n-negozjati għad-dħul ta’ Malta fl-Unjoni, din insistiet li jitneħħew l-arranġamenti li kellna f’Malta li aġevolaw l-użu tal-fliexken fil-bejgħ ta’ prodotti bħal ilma minerali u “soft drinks”. Ir-regoli tal-Unjoni kienu jippermettu li l-plastikk jingħata d-dritta. Sħabi u jien ipprotestajna bil-kbir kontra dan u ġejna rridikolati.

    Komunità fi gżira Daniża kienet ressqet protesta kontra dil-politika fil-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja, li sfat miċħuda. Ħaġa kienet qed issir tajjeb... f’dal-każ fid-difiża tal-ambjent... imma twarrbet f’isem il-ħtieġa li l-Ewropa kollha timxi bl-istess pass.

    *** 

    ĊEDOLI MGĦOTTIJA

    Għadha ħajja l-istess tendenza biex dak li sejjer tajjeb f’pajjiż jew ieħor naddattawh ħalli jkun jista’ jinġab f’borma waħda Ewropea. Mingħajr kura għall-punt li dak li sejjer tajjeb, m’għandekx għalfejn toqgħod tipprova ssewwieh.

    Bħalissa qed nieħu sehem f’eżerċizzju biex il-Parlament Ewropew jiffinalizza l-pożizzjoni tiegħu dwar direttiva li tapplika fuq bażi Ewropea l-istess regolamentazzjoni fit-tmexxija ta’ għodod finanzjarji ta’ self li jissejħu “covered bonds” – ċedoli mikxufa, li bil-Malti ma tfisser xejn. Dawn jinħarġu b’garanzija doppja – tal-banek li qed ibigħuhom u tal-proġetti marbuta magħhom.

    Kienu fost l-għodod finanzjarji li ma tqagħbrux bil-kriżi finanzjarja tal-2008. Hi ħaġa ċara li qafas Ewropew ġdid għalihom irid iżomm sħaħ il-kondizzjonijiet nazzjonali li ppermettew li dawn iċ-ċedoli jkunu suċċess.

    Xorta ssib min joħroġ bi proposti biex f’isem suq Ewropew wieħed “aħjar”, idaħħal miżuri li jispiċċaw aktar ifixklu milli jgħinu.

    ***

    PAYE

    F’Malta is-sistema tal-Pay as you earn (PAYE) daħlet taħt l-ewwel mandat ta’ gvern Laburista bejn l-1971 u 1976. Kien hemm id-diffikultajiet li ġġib bidla fejn taxxa li titħallas sena b’lura tinqaleb biex titħallas “fil-ħin”. Kien eżerċizzju li madankollu twettaq b’suċċess.

    Ftakart f’hekk dil-ġimgħa jien u naqra l-aħbar li fl-aħħar, wara snin ta’ titubar, il-gvern Franċiż iddeċieda li jdaħħal il-PAYE fil-pajjiż. Ħafna mid-dubji tqanqlu minħabba biża’ li bosta nies mhux qed jifhmu xinhu jseħħ waqt li oħrajn se jħossu s-sena d-dieħla li qed jiġu ntaxxati doppjament.

    Toqgħod tgħid: Jiġu tant mill-Ewropa biex jagħtuna lezzjonijiet kif għandna mmexxu u ma mmexxux pajjiżna. Forsi hemm għal xiex xi darba jew oħra, inkunu aħna li nagħtuhom il-lezzjonijiet?

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0