Ir-rapport dwar l-abbużi fuq tfal u żgħażagħ f’Pennsylvania u l-ħidma li saret mill-ġerarkija Kattolika biex tgħattihom hu gravi ħafna. Jikkonferma li l-Knisja Kattolika saret struttura dominata mill-kasta ta’ qassisin. Imexxuha skont kif jistgħu l-aktar jassiguraw id-dominju tagħhom, kif jaħbu l-iżbalji u d-delitti li jwettqu sħabhom.
Xi ħadd li jħares lejn dan il-fenomenu minn barra, jiddubita kemm dil-problema fondamentali tista’ tissolva b’eżerċizzji fil-kumnikazzjoni, bħall-ittra lill-“fidili” kollha li bagħat Papa Franġisku.
Jekk il-Knisja Kattolika mhijiex se tnaddaf bin-nar il-mod u l-istrutturi ta’ kif l-ideali li suppost tħaddan jitwettqu fil-prattika, se tispiċċa skredidata għal kollox. Fuq quddiem nett, trid tpoġġi l-ħtieġa li titneħħa l-prepotenza tas-saff saċerdotali. Hekk kienu għamlu uħud minn fost is-“setti” Nonkonformisti.
***
WELDING
Ġie raġel ikellimni dwar ix-xewqa li baqgħet miegħu tul il-ħajja u kelli nammirah għaliha. Matul is-snin, kien tgħallem fuq il-post tax-xogħol, studja u ġab il-kwalifiki meħtieġa, imbagħad daħal biex jgħallem is-sengħa li saret tiegħu: dik tal-iwweldjar. It-tagħlim ta’ dis-sengħa liż-żgħażagħ baqa’ jagħtih sodisfazzjoni kbir. Tkellem b’entużjażmu dwar is-suċċessi li kisbu l-apprendisti li ħadem magħhom.
Baqa’ jagħti din l-istruzzjoni anki “part-time” sakemm fl-aħħar snin, l-awtoritajiet tal-iskejjel waqqfuh. Offra li jibqa’ jagħti l-kontribut tiegħu, anke bla ħlas, imma qalulu għal darba tnejn le. Anke l-Ombudsman ma tahx wiċċ.
Ried il-parir tiegħi dwar x’jista’ jagħmel.
Saqsejtu kemm kellu żmien. Qalli li qabeż it-tmenin.
Il-parir li tajtu kien li jaqta’ qalbu. Ħadd mhu se jagħtih wiċċ minħabba l-età li jġorr.
Għadni mdejjaq b’li kelli ngħidlu. Possibbli li (ma’ xi NGO jekk mhux mal-gvern) raġel bħal dan ma jistax isib kif iwettaq l-aspirazzjoni li jibqa’ ta’ siwi għal ħaddieħor f’sengħa utli li qed tbatti f’pajjiżna?
***
NOTIFIKA
Għadni ma fhimt xejn mill-istorja ta’ kif notifika dwar regoli ġodda tal-impjiegi ħarġet bla ma ħadd kien jaf jew induna biha.
Sa fejn rajt jien, l-allarm... jekk allarm kien... ingħata f’artiklu ta’ avukat speċjalista fil-liġi tax-xogħol li deher f’ġurnal ta’ kuljum. Irrefera għal dak li deher fil-gazzetta tal-gvern. Jekk fhimt tajjeb, sa dak il-punt l-għaqdiet tan-negozju ma kienu ntebħu b’xejn. Imbagħad f’temp ta’ ġurnata ħarġu jikkundannaw in-notifika. Qamet polemika ċkejkna dwar jekk kinux ġew konsultati qabel jew le.
Nissuspetta li l-għaqdiet tan-negozju jeħtieġ itejbu sew il-mod kif qed jissorveljaw it-tmexxija ekonomika u l-bidliet li jkunu qed iseħħu fir-regoli ta’ tmexxija. Ħafna mill-bidliet jirriflettu deċiżjonijiet meħuda fuq livell Ewropew. Dwarhom mhux biss il-gvern irid jagħmel il-“homework” meħtieġ, imma l-għaqdiet infushom. Żgur li dan qed isir?
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.