Gideb fil-politika

  • Lul 30, 2018 11:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Li fil-politika, interna u esterna, jintużaw il-gideb biex jinkisbu vantaġġi tattiċi, ġieli strateġiċi, hu fatt. Jintużaw kemm minn fuq nett, kemm mis-saffi “medji” ta’ organizzazzjoni politika li jimmuntaw l-ħidmiet kontra l-avversarji.

    F’pajjiżna l-PN kien sal-lum perċimes f’dan l-aspett tal-operat politiku, bil-barka jekk mhux ukoll bl-inizjattiva ta’ min kien fuq nett. Imbagħad xibka ta’ kuntatti privileġġjati fost professuri u prelati, avukati u persuni fl-oqsma tal-qrati, tan-negozju u taċ-ċivil, kienu jaraw kif jgħattu u jilleġittimizzaw. Forsi waħda mill-akbar kisbiet tal-amministrazzjoni preżenti Laburista tinsab f’li xaqqaq din l-omertà.

    Pereżempju, ħadd barra l-kamp Laburista ma kien ikkritika lil Eddie Fenech Adami meta f’xandira televiżiva lejliet il-vot referendarju dwar sħubija fl-Unjoni Ewropea, stqarr li jien kont żammejt lil ibnu milli jidħol l-università.  Għamilha f’mument meta kien prattikament impossibbli li twassal iċ-ċaħda lill-poplu. U kienet gidba sfaċċata.

    *** 

    DATI

    Kieku l-aħħar elezzjoni saret fi żmienha, ir-rapport tal-investigazzjoni ġudizjarja fuq il-każ tal-Egrant xorta kien jixxandar wara li tkun inżammet. Fil-frattemp, il-magna ta’ propaganda tal-PN kienet tibqa’ tfajjar l-akkużi u timmonta t-tmaqdir lill-gvern minn barra l-pajjiż matul kampanja elettorali mtawla.

    Imxiet hekk wara li tilfet l-elezzjoni b’marġini rekord. Aħseb u ara kieku kienet għadha qed tistenna elezzjoni riesqa. Kull allegazzjoni kienet tingħata widen, kull invenzjoni ssir verità u min jivventa l-aktar, jispiċċa l-akbar qaddis... waqt li l-investigazzjoni tkun għadha għaddejja.

    Kienet deċiżjoni mill-aktar għaqlija tal-Prim Ministru Muscat li jsejjaħ elezzjoni bikrija, anke jekk b’hekk issagrifika sena mill-mandat ta’ tmexxija li diġà kellu. Imblokka l-opportunità ta’ taħwid l-imħuħ li kienet infetħet u li l-Oppożizzjoni żgur kienet tapprofitta ruħha minnha bla skruplu ta’ xejn.

    *** 

    DUMAS U HOLMES

    Sirt naf b’Jean d’Aillon meta sibt f’ħanut ir-rumanz storiku u polizjesk tiegħu “Il-konġettura ta’ Fermat” imqiegħed fi Franza tal-ewwel nofs tas-seklu sbatax – bid-didektiv Louis Fronsac bħala protagonist. Dwaru, d’Aillon kiteb sensiela ta’ rumanzi fejn l-intriċċi storiċi jitħalltu ma’ misterju li jrid jinħall malajr malajr.

    Inħarġu fl-Ewropa numru ta’ rumanzi tat-tip ta’ Fronsac, f’linja mal-moda li issa ilha tinfirex mill-Iskandinavja sal-Greċja u usa’, ta’ thrillers polizjeski u stejjer moderni tad-didektivs... uħud b’xeħta “storika”.

    F’“Fermat”, d’Aillon idaħħlek fl-intriċċi tal-qorti rjali Franċiża, dominata mill-Prim Ministru tar-renju, l-kardinal Mazarin. Il-kodiċi li jintuża biex jintbagħtu l-messaġġi sigrieti lir-rappreżentanti tar-re spiċċa f’idejn l-għadu. Fronsac imur għand il-matematiku magħruf Fermat biex jgħinu jilqa’ għal dil-problema. In-nisġa donnha taħlita ta’ Alexandre Dumas u Sherlock Holmes. Ma tibbrillax imma teċċella fid-dettalji tal-ħajja ta’ kuljum f’Pariġi, erba’ mitt sena ilu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0