Sodizza b'kawtela

  • Lul 26, 2018 07:10
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ftit aktar minn għaxar snin ilu, waqt il-kampanja elettorali tal-2008, sħabi lumuni li ħallejt għal tard wisq l-iskandlu tal-abbuż lampanti li kien qed jikkommetti d-deputat dak iż-żmien PN Pullicino Orland fil-Mistra. X’aktarx ma kienx se jkun hemm żmien biżżejjed biex in-nies tagħraf is-serjetà tal-biċċa, wissewni.

    Biss iddeċidejt li nieħu r-riskju għax qabel intellqu l-akkużi, ridt li jsiru r-riċerki kollha possibbli ħalli nkunu mija fil-mija ċerti milli qed ngħidu. Fin-nofs kien hemm ir-reputazzjoni ta’ persuna li sa dak il-mument kont qiestha kapaċi u integra. Mill-Oppożizzjoni trid tkun sod, sod ħafna, imma wkoll prudenti u kawt.

    Fil-każ tal-Egrant, l-aqwa dnub tal-Kap tal-Oppożizzjoni ta’ sena ilu kien li ħalla l-preġudizzji ta’ dawk li fada u lill-istess xewqatu jiġru bih. Reġa’ bena kollox fuq gidba, bħalma l-PN għamel fil-każ ta’ Pullicino Orland. Did-darba, minflok rebaħ, il-PN ikkraxxja bil-kbir.

    Doppjament, għax tilef l-elezzjoni tal-2017 u llum intwera li bena programm politiku fuq frodi.

    ***

    XOGĦLIJIET FIS-SAJF

    Mingħalija li jinżamm moratorium fis-sajf fuq xogħlijiet publiċi fit-toroq ta’ inħawi li huma turistiċi: ix-xogħlijiet jieqfu. Għadu jeżisti jew le?

    Għax milli nara, jekk jeżisti, qed jiġi injorat bil-kbir.

    Toroq jingħalqu ta’ spiss, inġenji jibilgħu l-kantunieri, torbien u binjiet ta’ injam u kanen jiddeffsu fit-toroq u l-pjazez.

    M’għandix dubju li l-kwalità ta’ vaganza fis-sajf Malti tinsab sejra lura. Inħossu l-effett ta’ hekk meta uħud mill-kompetituri tagħna fil-Mediterran, mhux l-anqas it-Turkija u t-Tuneżija, jirpiljaw.

    ***

    BREXIT

    L-inkwiet dwar li n-negozjati fuq il-Brexit mhumiex se jitlestew b’wiċċ il-ġid qed jiżdied. Min-naħa Brittanika, l-inċertezzi żdiedu mhux naqsu matul ix-xhur. L-ispekulazzjoni li l-gvern ta’ Theresa May m’għandux ħajja twil tqawwiet.

    Waqt li hemm kurrenti fir-Renju Unit favur li l-pajjiż joħroġ mill-Unjoni bla ftehim, minn Brussell u kapitali ta’ pajjiżi kontinentali, din il-possibiltà qed tittieħed b’serjetà dejjem akbar. Il-Kummissjoni Ewropea f’dokument li ppublikat ġimgħa ilu, daħlet fil-fond ta’ kif għandhom jitmexxew l-affarijiet jekk ma jintlaħaqx ftehim u r-Renju Unit jaqbad u jitlaq. Il-ministru l-ġdid Brittaniku nkarigat min-negozjati reġa’sostna (kif ilu ma jsir) li mingħajr ftehim sodisfaċenti, r-Renju Unit ma jkollux għalfejn iħallas il-fondi li jkunu baqgħu pendenti mis-sħubija.

    Ftehim għandu jinstab malajr kemm jista’ jkun (Ottubru ta’ dis-sena kien ix-xahar li ssemma) sabiex il-Brexit jitwettaq sa Marzu tas-sena d-dieħla. Ħafna jaraw li dal-kalendarju ma jistax jintlaħaq.  

    Ħaġa li ma tissemmiex wisq, imma li tidhirli naturali hi din: jekk il-pajjiżi membri kollha jaqblu, t-terminu għaż-żmien biex jintlaħaq ftehim jista’ jittawwal. Għaliex le?

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0