GĦANIJIET GĦALL-2020

  • Lul 23, 2018 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    GĦANIJIET GĦALL-2020

    Qabel beda d-deċennju li ninsabu fih, l-Unjoni Ewropea issettjat miri li l-pajjiżi membri kellhom jilħqu sas-sena 2020, pajjiż pajjiż u bħalha Unjoni kollha kemm hi. Id-diffikultajiet li ħarbtu għal snin sħaħ l-ekonomiji tal-Ewropa wasslu biex f’numru ta’ oqsma, diffiċli tara kif il-miri se jintlaħqu. 

    F’rapport li l-Eurostat ħarġet fuq das-suġġett, insibu fejn waslu l-pajjiżi, Malta inkluża, fuq miri li huma fost l-aktar importanti.

    Ir-riżultati għal Malta jipprovdu stampa mħallta. Dwar il-mira sal-2020 li l-pajjiżi kollha jixtiequ l-aktar jilħqu, ir-rata ta’ imjiegi għal dawk ta’ bejn l-eta’ 20 u ta’ 64, m’għandna l-ebda problema. Diġà lħaqniha u għaddejniha. Il-mira għalina hi ta’ 70 fil-mija. Ninsabu fuq 71.4 fil-mija.

    Imma mbagħad ninsabu lura, mhux bi ftit, f’miri importanti oħra: fil-kontroll ta’ gassijiet li joħolqu l-effett ambjentali ta’ serra; fil-persentaġġ ta’ enerġija li tiġġedded li qed nużaw; fin-numru ta’ studenti li jitilqu mill-iskejjel qabel il-waqt; fil-parti tar-riżorsi ekonomiċi li niddedikaw għar-riċerka. 

    JUNCKER U X-XORB

    Qamet tempesta żgħira dan l-aħħar dwar l-imġiba tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Juncker waqt ikla uffiċjali tan-NATO. Spiċċa akkużat li kien f’sakra ma tarax art. Fisser li mhux hekk: kellu attakk qawwi ta’ xjatka li taqbdu perjodikament wara ħabta ilu sew b’karozza. 

    M’inix se niġġudika x’kienet il-verità fl-istorja, imma mill-esperjenza personali naf kif fil-politika, avversarji u ħbieb isibuha utli u konvenjenti li jgħabbuk fil-beraħ jew baxx baxx bil-“vizzju” tax-xorb.

    Ħalliha li minn żmien żemżem l-alkoħol kellu preżenza fil-maniġġi tal-politika, u mhux biss tul il-karriera ta’ Churchill.

    Nibqa’ niftakar il-parir ta’ George Agius, eks-segretarju ġenerali tal-G.W.U. li ma kienx politiku: Żomm għajnek miftuħa għall-politikanti li ma jixorbux, oqgħod attent kemm tafdahom. 

    Ma kienx parir ħażin.

    L-ARTI F’GĦAWDEX

    Ħadt gost inżur l-istudjo tal-artist Għawdxi Christopher Saliba fix-Xewkija għal żewġ raġunijiet. Stajt nerġa’ nara għażla tal-pitturi tiegħu, li kellhom l-istess viżjoni friska bħax-xogħlijiet li kien wera fl-esibizzjoni li tellajna xi xhur ilu fil-Parlament Ewropew.

    It-tieni raġuni kienet għax l-istorja ta’ Saliba hi waħda ta’ suċċess – ta’ inizjattiva f’Għawdex li qed tirnexxi kemm fuq livell kulturali u kemm f’livell ekonomiku. Ħadt gost nisma’ li waqt li dan l-artist qed “jopera” minn Għawdex, baqa’ jsib appoġġ għal ħidmietu. 

    Nisimgħu ħafna dwar il-problemi li jaffaċċjaw l-Għawdxin biex mill-gżira tagħhom jimmuntaw attivitajiet fejjieda li jippermettulhom jgħixu u jaħdmu fi gżiriethom. Il-problemi li jissemmew huma attwali u f’ċerti każi, jibqgħu bla soluzzjoni. Imma mhux kollox dlam. Tajjeb li nkunu nafu b’każi fejn il-problemi jkunu ngħelbu b’suċċess.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0