Ċensura ekkleżjali

  • Mej 31, 2018 08:57
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ma sibtx kif inwieġeb meta saqsewni x’naħseb dwar iċ-ċensura li jinsab taħtha Mark Montebello. M’inix reliġjuż u ma naqbel xejn maċ-ċensura.

    Min-naħa, meta tidħol membru ta’ Ordni reliġjuż, qisek dħalt fl-armata. Fil-fatt, minn isimhom stess, id-dumnikani huma l-klieb tal-għassa tal-Mulej. Fil-loġika ta’ kif is-sistema kollha reliġjuża hi organizzata, jista’ kelb tal-għassa minn rajh, jikkontesta l-istrateġija tal-ġenerali li jmexxu r-reġiment? jew bla ma jitolbuh, jagħtihom pariri  quddiem kulħadd? Aktar u aktar meta l-kelb tal-għassa qiegħed fejn qiegħed skont il-volontà tiegħu – mhux kif jiġri għall-klieb, għax twieldu jew inbigħu ġo dixxiplina “militari”.

    Min-naħa l-oħra, bl-għeruq u x-xniexel jien kontra ċ-ċensura!

    Biex tgħaxxaqha d-dilemma tiegħi kienet aktar akuta għax inqalgħet fi żmien meta kont qed nerġa’ naqra novella ta’ Cervantes dwar il-klieb Berganza u Scipio. Matulha jiddiskutu fost oħrajn kwistjonijiet ta’ governanza li jikkonċernaw il-klieb. Jagħmlu dan b’manswetudni riflessiva li ttektek bil-makakkerija. Lil hinn miċ-ċensura, Berganza u Scipio f’diskorshom forsi huma aktar sovversivi mit-teżijiet ta’ Montebello.

    *** 

    FL-IRLANDA

    Ir-referendum fuq l-abort fl-Irlanda ta r-riżultat li ta. Imissu jservi ta’ twissija lill-fundamentalisti f’pajjiżna li għadhom ma tgħallmux kif il-gwerer tat-tiben jintilfu mhux mid-direzzjoni lejn fejn tidderiġihom, imma minn wara dahrek.

    Fl-Irlanda nnifisha madankollu, l-aqwa problema dwar il-futur għadha mdendla. Kull ma nisma’ u nara dwar x’se jiġri wara l-Brexit donnu jindika li għad ma nstabitx soluzzjoni serja għal kif l-Irlandiżi se jkunu jistgħu jibqgħu jgħixu bħal-lum, mifrudin imma magħquda, u fil-paċi wara deċennji ta’ dmija u mibegħda.

    Soluzzjonijiet tekniċi sodi għal kif in-nord u s-sud tal-gżira jinżammu bla fruntiera għadhom nieqsa – għalkemm jintqal li ftit jew wisq, ir-rieda politika biex jinstabu qiegħda hemm fost “kulħadd”. Iż-żmien qed jagħfas.

    *** 

    FOOT EWROPEW

    Ħabib tiegħi qalli: L-għaqda Ewropea mhux se tissaħħaħ b’dak li jiġri fil-Parlament Ewropew... jew fil-kunsilli u l-kummissjonijiet li ssemmi. Se tissaħħaħ bil-futball.

    Fissirli kif għaddejja inizjattiva biex il-kampjonat Ewropew jinbidel f’lega bejn timijiet minn pajjiżi differenti li jikkompetu bejniethom tul staġun sħiħ biex jirbħu l-ewwel post fil-lega. Kompetizzjoni bħal din, sostna kollu entużjażmu, toħloq interess enormi, popolari u kummerċjali, u żgur iġġib lill-Ewropej kollha attenti flimkien, kif l-ebda elezzjoni Ewropea mhi qed tagħmel. Anke Agnelli tal-Juventus jidher li hu favur tagħha...

    Nimmaġina li l-ħabib tiegħi għandu raġun. Imma x’se jiġri mill-pajjiżi Ewropej li jibqgħu barra mil-lega Ewropea li qed timlieh b’daqstant entużjażmu? Mhumiex se jħossuhom tat-tieni u t-tielet rang, bħal ma jiġri bil-Eurovision?... f’Ewropa li skont hu, se tħossha magħquda bil-kbir fl-aħħar...

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook