Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma

  • Mej 30, 2018 08:00
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Il-kontijiet tad-dawl u l-ilma

    Dan l-aħħar inqalet kontroversja dwar il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.  Tajjeb narawha minn żewġ aspetti – dak ta’ konsumaturi u dak politiku.

    Il-kontroversja hi dwar kif jinħadmu dawn il-kontijiet.  Jekk tara l-liġi, tara li dawn għandhom jinħadmu b’mod kumulattiv u pro rata.  Fil-fatt il-kontroversja hi fuq dawn iż-żewġ kelmiet.  L-ARMS taħdem dawn il-kontijiet pro rata.  

    Qabel ma nispjegaw kif tinħadem wieħed irid jiftakar li l-prezz tal-elettriku u tal-ilma jiddependi fuq żewġ fatturi – l-ammont ikkunsmat u t-tip ta’ post fejn qed jiġi kkunsmat l-elettriku.  Jekk nieħdu l-post naraw li hemm tliet tipi – dak residenzjali (fejn joqgħod is-sid), dak domestiku (e.ż. il-komun) u dak kummerċjali.  L-orħos hu dak residenzjali u l-aktar għoli dak kummerċjali.  Dan isir minħabba l-importanza li nagħtu l-familja.

    Il-konsum hu fattur ieħor.  Biex ma jkunx hemm ħela ta’ elettriku u ilma, il-prezz hu mqassam skont il-konsum. Per eżempju, jekk nieħdu r-rata li tgħodd għal post residenzjali nsibu li fuq l-ewwel 2000 unit li jiġu kkunsmati fis-sena r-rata hi ta’10.47c kull unit.  Jekk il-konsum ikun aktar il-prezz jiżdied.  

    Issa naraw kif jinħadem il-kont pro rata.  Jekk nieħdu li l-kont joħroġ kull xahrejn, irridu niddividu 2000 b’6 biex b’hekk naslu għall-konsum massimu li bih tinħadem din ir-rata f’dan il-perjodu.  Dan l-ammont jiġi għal madwar 333 unit kull xahrejn.  Dan ifisser li jekk jien nikkonsma sa 333 unit jien inħallas 10.47c kull unit kull unit.  Jekk naqbeż din ir-rata jien inħallas bir-rata li jmiss jiġifieri 12.98c kull unit.

    Sakemm jien ma nikkunsmax aktar minn din ir-rata, is-sistema taħdem tajjeb.  Iżda jekk jien f’xi wieħed minn dawn is-sitt xahrejn tas-sena nikkonsma aktar, nidħol ġo problema.  Ir-raġuni hi li anki jekk il-konsum totali fis-sena jkun anqas minn 2000 unit, jien inkun ħallast aktar milli suppost peress li l-konsum anqas minn 333 unit ta’ perjodi oħra ma jagħmlux tajjeb għal meta l-konsum kien aktar.

    L-Għaqda tal-Konsumaturi dan l-aħħar irċeviet għad mhux ħażin ta’ lmenti dwar dan.  Għalhekk għamilna żewġ laqgħat, waħda mar-regolatur (REWS) u l-oħra mal-ARMS fejn ressaqna l-ilmenti u fejn spjegajna li ma naqblux ma’ kif qed tinħadem is-sistema peress li aħna ma narawhiex li hi skont il-liġi u fuq kollox mhux ġusta.

    Is-sistema li qed tintuża llum hi skont il-liġi li saret fl-2009 u l-ARMS ilhom iħaddmuha minn dak iż-żmien.  

    Quddiem dan l-Għaqda kellha żewġ toroq.  L-ewwel li mmorru l-Qorti u t-tieni li naħdmu bħal ma ħdimna tal-Fantasy Tours.  L-ewwel triq ma tantx togħġobna għaliex hi triq li ddum snin twal u li tinvolvi l-ispejjeż.  Fuq kollox minkejja li nemmnu li aħna korretti, xorta ma tafx kif taqtagħha l-Qorti.  

    Għalhekk morna għat-tieni triq.  Fil-każ tal-Fantasy Tours konna poġġejna l-pożizzjoni tagħna pubblikament iżda wara bdejna kuntatti mal-Gvern biex insolvu s-sitwazzjoni u l-konsumaturi jieħdu dak li kien bi dritt tagħhom.  Ma solvejnihiex f’temp ta’ ġurnata għax ħadet madwar sentejn, żmien li għalkemm hu twil xorta kien ħafna aqsar milli kieku morna l-Qorti.  Permezz ta’ kuntatti li għamilna mal-Gvern u bl-għajnuna tal-Ministru tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien, Dr Zammit Lewis, solvejna l-problema mingħajr wisq storbju u taqtiegħ tal-qalb.  F’din il-kwistjoni hekk bi ħsiebna nimxu u nemmnu li naslu wkoll.

    Il-Kuntest Reali

    Bħal ma hemm tendenza li jiġri f’Malta, anki kwistjonijiet ta’ natura li mhix politika għandhom tendenza li jsiru issues politiċi.  U hekk ġara f’din il-biċċa.  Peress li ġara hekk tajjeb li naraw dan il-kuntest reali kollu.  

    Nibdew mill-ewwel fatt.  Dan mhux metodu li beda jitħaddem issa, iżda ilu jintuża mill-2009.

    Hemm min qed jgħaqqad din il-kwistjoni mal-prezz tal-elettriku u qed jgħid li dan ma roħosx dan l-aħħar snin.  

    Jekk wieħed jara r-rati residenzjali tal-elettriku preżenti u nqabbluhom mar-rati li kien hemm qabel  l-2013 insibu dan:

    Rati ta’ qabel fuq l-ewwel 2000 unit fis-sena:  16.1 cents kull unit

    Rati preżenti fuq l-ewwel 2000 unit fis-sena: 10.47 cents kull unit.

    Dan ifisser li r-rata preżenti fuq l-ewwel  2000 unit hi ta’ madwar 65% minn r-rata tal-2012.

    Tajjeb li naraw ukoll kif il-metodu li qed jaħdmu l-ARMS jaffettwa l-kont totali skont  il-prezz.  Dan ifisser li aktar ma jkun għoli l-prezz aktar tkun id-differenza fil-kont minn dak li jkun suppost.  Jiġifieri, qabel mhux talli konna qed niġu iffaċċjati minn prezz ħafna għoli, iżda konna qed inħallsu ħafna aktar milli suppost.

    L-effett ta’ dan narawh minn dak li jissejjaħ energy poverty jew faqar mill-enerġija.  Dan jikkalkula kemm hu l-persentaġġ tal-popolazzjoni li ma jkunux jifilħu jsaħħnu djarhom minħabba l-prezz.  Qabel 2013, ir-rata ta’ Malta kienet it-tielet l-aktar għolja fl-Ewropa kollha.  Illum minħabba li l-prezzijiet tal-enerġija naqsu, dan il-faqar f’Malta naqas ukoll b’mod sostanzjali.

    Il-Malti jgħid li biex tiskonġra trid tkun pur li f’dan il-każ ifisser li ma tistax tuża metodu ta’ kalkulazzjoni ħażin qiesu ma ġara xejn, u meta juża l-istess metodu ħaddieħor tħossok skandalizzat!

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook