Tkabbir turistiku

  • Mej 07, 2018 08:54
  • Miktub minn Alfred Sant

    It-turiżmu qed jagħti kontribut qawwi lit-tkabbir li baqa’ parti mir-realtà ekonomika ta’ pajjiżna fl-aħħar snin. J’alla jibqa’ jagħmel hekk, għalkemm hawn ukoll irridu nżommu saqajna mal-art.

    L-aħħar statistika dwar it-turiżmu fl-ewwel tliet xhur ta’ dis-sena turi żieda ta’ 18.4 fil-mija fuq is-sena ta’ qabel fl-iljieli li t-turisti qattgħu f’pajjiżna. F’perijodu mitqies bħala mhux daqstant turistiku, din hi żieda sostanzjali. Aktar u aktar meta titqabbel ma’ x’kellna fl-istess żmien fl-2017 fuq is-sena ta’ qabel: żieda ta’ 11.1 fil-mija. Issa, il-medja ta’ kemm iljieli it-turisti li żaruna qagħdu fostna kienet ta’ 7.3 fl-2016, u ta’ 6.5 fl-2017 u f’dis-sena.

    Li “jinkwieta” hu li d-dħul ras’imb ras mit-turisti  li ġew fostna qed jonqos sew. Kien ta’ 744€ fl-2016; 680€ fl-2017; u 655€ dis-sena. Irridu noqogħdu b’seba’ għajnejn li biż-żidiet li qed niksbu, iz-zalza ma tiġix ogħla mill-ħut.

    *** 

    L-ILLIBERALIŻMU TAL-“EŻILJATI”

    Aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar jinħass sens ta’ illiberaliżmu fost dawk li min-naħa ta’ parti mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista (talanqas hekk jippreżentaw ruħhom) jikkundannaw dak li jiġri jew ma jiġrix madwarhom. Il-fatti tagħhom biss jeżistu, is-sentimenti tagħhom biss jiswew.

    Hu veru li f’xenarju politiku bħal tagħna, il-partiġjaniżmu ġie istituzzjonalizzat. Li tara lilek innifsek bħala parti mill-ġenna (mitlufa jew mirbuħa) u ħaddieħor parti biss mill-infern, jitqies bħala mod normali kif tgħix u kif tifhem id-dinja.

    Madankollu, uħud bħalissa qed jaqbżu kull limitu ta’ diċenza li kien jinżamm fl-imgħoddi, anke fis-snin sittin jew tmenin tas-seklu l-ieħor.

    L-illiberaliżmu tal-lum wasal sal-punt fejn ma jimportax jekk iċċappas lil min ma jaqbilx miegħek mhux biss ta’ kretin, imma wkoll ta’ korrott – mhux biss ta’ vjolenti, imma wkoll ta’ qattiel – mhux biss ta’ dardira, imma wkoll ta’ bla kuxjenza.

    L-aqwa li tinsa kif tħossok eżiljat mill-aċċess għall-poter, għax imdorri tqisu bħala tiegħek bi dritt.

    ***

    KUNSILLI LOKALI: X’FUTUR?

    Sadattant, l-Oppożizzjoni Nazjonalista fl-aħħar ressqet ftit punti dwar realtajiet tal-lum li jagħmlu sens: u dwar il-kunsilli lokali, li huma proġett imressaq u mwettaq minnha fil-gvern. L-argument tagħha hu li kif qed jiżviluppaw l-affarijiet, l-ispazju għall-inizjattiva tal-kunsilli lokali qed ikompli jiġi maħnuq. Bħal fil-każ ta’ min jidderieġi (u kif) is-sistema tal-gwardjani lokali.

    L-argument hu wkoll li waqt li l-volum ta’ ħidma li jaqa’ fuq il-kunsilli lokali qed jiżdied minħabba t-tkabbir fl-attività ekonomika u soċjali, ir-riżorsi tal-kunsilli qed jew jibqgħu staġnati jew lura.

    Dilemma fondamentali fit-tmexxija lokali għadha li l-mira dejjem kienet waħda ta’ deċentralizzazzjoni waqt li l-għajta kienet (u għadha) waħda ta’ devoluzzjoni.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook