Ma Nifhimx

  • Apr 05, 2018 08:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Nifhem l-istrateġija tal-PN fl-Oppożizzjoni, jew ta’ parti minnu, li jattakka lill-gvern b’akkużi ta’ korruzzjoni, abbuż ta’ poter u skandli oħra. Kemm biex jiġbor il-voti lejh, kemm biex jekk tassew jemmen fl-akkużi li jagħmel, jipprova jtejjeb is-sitwazzjoni fl-interess nazzjonali billi jxejjen l-“iskandli”.

    Assolutament ma nifhimx imbagħad kif dawn l-akkużi jittieħdu bl-aktar mod sfaċċat f’fora internazzjonali... tal-Unjoni Ewropea jew oħrajn... biex jagħmlu aktar ħoss. It-tattika hi skandaluża għax isservi biss biex iċċappas il-pajjiż kollu bl-akkużi, ġustifikati jew le, li l-Oppożizzjoni tipproklama. Ma nista’ nsemmi l-ebda politiku serju fl-Ewropa li jagħmel l-istess ħaġa.

    Kien għalhekk skifuż l-argument tad-deputat Ewropew Nazzjonalista Casa li min ma jingħaqadx mal-isforzi infantili tiegħu u ta’ sħabu biex iħammġu isem Malta “tonqsu s-sinsla”. Ir-reazzjoni tiegħi għal stupidaġni bħal din hi li ninjoraha. Għamlet aħjar minn hekk Marlene Mizzi. F’risposta li twasslet lid-deputati Ewropej kollha, uriet min hu bla sinsla u kemm hi tal-fildiferru s-sinsla politika tal-istess Casa. Naqbel. 

    ***

    KAPITALI

    Bla dubju, iċ-ċifri tal-finanzi publiċi għas-sena 2017 huma eċċellenti. Waqt li l-pajjiż ġarrab tkabbir ekonomiku sod u bla preċedent, il-baġit tal-gvern irreġistra aktar minn bilanċ: dħul finanzjarju aqwa mill-ħruġ. Hu riżultat li jqajjem l-għira ta’ pajjiżi oħra.

    Xorta nemmen li rridu nibqgħu kritikament oġġettivi dwar xinhu għaddej. Personalment, li jħassibni hu l-andament tal-ispiża kapitali publika, jiġifieri tal-investiment li l-gvern jagħmel fl-infrastruttura. Fuq dan l-investiment jinbena l-iżvilupp tal-futur.

    Fl-2014, l-ispiża kapitali tal-gvern laħħqet 435.3 miljun ewro. Fis-snin ta’ wara, 2015, 2016 u 2017 kienet hekk: 581.5 miljun; 310.3 miljun; u 350.2 miljun.

    In-nefqa kapitali qed tkun kondizzjonata wisq minn kif u meta jaslu l-fondi Ewropej li l-gvern ikun applika għalihom. Jiġu snin fejn togħla ħafna, oħrajn fejn taqa’ sew. Bħalissa, donna qed nistejqru mit-tnaqqis sostanzjali fl-ispiża kapitali li seħħ bejn l-2015 u l-2016. 

    ***

    ĦARSIEN TAL-KONSUMATUR

    Għadna lura sew milli jkollna struttura amministrattiva serja biex tlaħħaq mal-problemi li qed jaffaċċjaw il-konsumaturi u biex tagħtihom rimedju meta jkollhom raġun jilmentaw. Il-voluntiera li hemm f’dal-qasam u l-uffiċjali tal-gvern fil-biċċa l-kbira tagħhom huma dedikati għall-ħidma li daħlu għaliha u jagħmlu mill-aħjar li jistgħu.

    Biss, bħal fil-qasam tal-inkonvenjenzi li ċ-ċittadini Maltin u Għawdxin isofru ħtija tal-bini “selvaġġ” li jinsab għaddej ma’ kullimkien, jew fis-setturi tat-traffiku u tal-ambjent, l-għodod meħtieġa biex is-sitwazzjoni tkun regolata aħjar huma nieqsa – jew għax ma jinsabux fejn suppost jinsabu, jew għax it-tmexxija tagħhom hi bla snien.

    B’hekk, minflok kultura ta’ riforma u rimedju, tispiċċa tinbena kultura ta’ rassenzjazzjoni  u inerzja.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0