Blokki u katini

  • Mar 08, 2018 08:40
  • Miktub minn Alfred Sant

    Jistħoqqilhom kull appoġġ l-inizjattivi biex inpoġġu lill-pajjiż f’linja tal-innovazzjoni fil-ħidma ekonomika, soċjali u kulturali. Il-proġetti mfassla pereżempju fl-oqsma tal-blockchain u tal-mediċina esperimentali huma ammirevoli. Qed juru x’għandha tkun it-triq ’il quddiem.

    B’kondizzjoni waħda: Li jittieħdu l-prekawzjonijiet kollha biex f’dak li jsir, tingħata attenzjoni sħiħa ħalli tinżamm trasparenza totali fil-mod kif jitħaddmu r-regoli ta’ tmexxija tas-setturi “ġodda”. Bl-ebda mod, dak li jista’ jsir fihom ma għandu jqajjem suspetti dwar l-integrità tal-pajjiż. Ma rridux inħallu jiġri, kif wisq nibża’ ġara fil-qasam tal-imħatri bl-internet. 

    Is-suċċess miksub malajr fl-iżvilupp ta’ das-settur wassal biex jinħoloq spazju għal inizjattivi mudlama. Jekk irridu nkunu onesti, tul l-aħħar għaxar snin, ma urejniex kapaċità biżżejjed – forsi anki r-rieda – biex indawluhom fil-ħin. Batiet ir-reputazzjoni tal-pajjiż. Issaħħet ir-rieda ta’ min jaqbillu jagħmlilna l-bsaten fir-roti.

    ***

    BIEDJA

    Ma tantx segwejt il-fażijiet differenti tal-proċess li bih fl-aħħar snin, tħejja pjan għal politika dwar il-biedja li twassal sas-sena 2028. Issa li l-pjan tħabbar, mhux daqstant faċli l-anqas li ssibu fuq l-internet... sal-mument meta qed nikteb.

    Bl-informazzjoni dettaljata li jiġbor u bil-proposti numerużi, li jagħmel il-pjan hu impressjonanti.

    Madankollu, jista’ jkun li fil-ħafna dettalji u fil-għadd ta’ miżuri li jesponi, hemm difett. 

     Jintilef is-sens tal-qagħda kritika – biex ma ngħidx kriżi – li qed jaffaċċjaw il-bdiewa u r-raħħala. Talanqas dak is-sens nieħu meta nkellem uħud minnhom f’Malta u f’Għawdex.

    Imbagħad, x’aktarx li hemm bżonn li l-miżuri jitpoġġew f’ordni ta’ priorità. Nifhem l-intenzjoni li jkun hemm strateġija “ħolistika”. Biss, l-esperjenza tgħallimna li f’das-settur, it-twettiq ta’ politika ta’ riforma baqa’ jaqa’ lura. 

    Aħjar anqas, imma li tassew isir – milli ħafna, li jibqa’ fuq il-karta.

    ***

    STABBILTÀ

    Fl-Ewropa magħquda li qed tinbena issa, bejn sebgħa u ħamsin membru – fejn id-diversità ekonomika u soċjali hi lampanti – fejn qed ikollha tiġi ffaċċjata l-problema akuta ta’ pajjiż ewlieni li jrid jitlaq għal rasu – fejn meta jasal il-waqt għal deċiżjonijiet strateġiċi, jidħlu fin-nofs il-kalkoli u l-iskadenzi elettorali ta’ pajjiżi membri differenti – fejn mhix qed tinstab soluzzjoni maqbula għat-tensjonjiet li l-immigrazzjoni minn barra l-Unjoni ħolqot – fejn ...

    F’din l-Ewropa, l-aqwa għan qed jitqies dak li l-istabbiltà tkun kemm jista’ jkun garantita – li l-aqwa ħaġa sseħħ meta l-gvernijiet tal-pajjiżi membri jistgħu jitkellmu flimkien minn pożizzjoni soda f’pajjiżhom stess. B’hekk biss li politika fattibbli għall-għaqda Ewropea tista titnieda u titmexxa.

    Hu għan realistiku? Għal numru limitat ta’ żmien, x’aktarx li iva. Wara kollox, l-ebda politika ma tista’ tiġi mfassla biex tibqa’ tgħodd għall-eternità. Imma wara...? 

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook