EVALWAZZJONI
Proġetti kbar dejjem kienu t-tentazzjoni ma tiqafx għal gvernijiet Maltin, tax-xellug u tal-lemin. Ħaġa li tiftiehem. Bihom, stajt issolvi parti sostanzjali mill-isfida ta’ kif se tassigura tkabbir ekonomiku u soċjali għat-tul fil-qafas dejjaq ta’ dil-gżira.
Proġetti ċkejkna anke jekk numerużi, ma setgħux joffru l-istess prospetti ta’ tkabbir sostenibbli, anke għax fir-riżorsi limitati li jkollhom, ftit setgħu jippenetraw barra.
Imma l-ġirja wara l-proġetti kbar għandha l-iżvantaġġi tagħha. Tista’ tiftaħ lill-pajjiż beraħ għall-maniġġi tal-ispekulaturi, li jaraw kif se jirkbu fuqha billi joffru prospetti mill-isbaħ għall-proġetti tagħhom. Iwassluk biex taqbel magħhom u wara jmorru jfittxu lil min jista’ jagħtihom spalla biex jidhru li qed iwettquhom.
Is-sogru fi proġetti kbar hu wkoll dak li jekk imorru żmerċ, taqla’ daqqa kemm il-kredibilità tal-gvern, kemm il-flessibiltà tal-ekonomija fir-rabta li trid iżżomm ma’ sens ta’ fiduċja fost dawk li jwettqu d-deċiżjonijiet imprenditorjali.
Għal proġetti “kbar” tal-gvern, hemm ħtieġa li sa mill-bidu nett, jitwettaq eżerċizzju effettiv u mgħaġġel ta’ evalwazzjoni li jistaqsi: il-proposti li qed isiru jagħmlu sens?
DISPJAĊIR
Snin twal ilu, kont insib il-ħin insegwi mill-qrib ħafna mill-iżviluppi artistiċi u kulturali Maltin, speċjalment fl-oqsma tal-letteratura u t-teatru. Dnub li ma bqajtx inlaħħaq ma’ dil-ħaġa. Jista’ jkun li għax ma nsibx ħin għal hekk daqskemm kont insib qabel.
Imma jista’ jkun ukoll li r-raġuni ewlenija hi li b’paragun ma’ meta kont iżgħar, l-inizjattivi f’dawn l-oqsma żdiedu bil-kbir, speċjalment fost iż-żgħażagħ. Jekk dan hu l-każ, allura ma jista’ jkun hemm l-ebda dispjaċir.
Hi ħaġa prezzjuża li f’rifless ta’ xinhu jiġri barra u ta’ temi li qed jiżviluppaw f’pajjiżna, il-produzzjoni artistika titkattar b’mod li jħajjar udjenzi u qarrejja ġodda u qodma.
Aktar ma jiżdiedu l-inizjattivi artistiċi f’pajjiż, aktar jiġġeddu malajr u b’mod li ta’ min jixtiequ, il-fehmiet u l-imġiba tal-poplu.
BEJN SAN PAWL U L-KARNIVAL
Meta smajt li l-festa ta’ San Pawl se ssir ġimagħtejn qabel żmienha biex ma taħbatx mal-Karnival, għedt lili nnifsi li tassew inbidlet il-Knisja Kattolika f’Malta, jekk qed iċċedi “postha” lill-Karnival, li suppost iħajjar għat-tbahrid u d-“dnub”. Biss qaluli li din mhux l-ewwel darba li ġrat.
Imbagħad fhimt li l-Knisja bilfors kellha raġuni oħra għaliex għamlet diċ-ċaqliqa. Żgur kellha informazzjoni “privileġġjata” dwar ix-xita qliel li kellha tagħmel. Hi setgħet tiċċelebra l-festa ta’San Pawl b’kull pompa f’temp sabiħ waqt li l-attivisti tal-Karnival kellhom jitqannew bil-ftit bnazzi li għamel.
Wara kollox, għad baqa’ vantaġġi f’li jkollok linja diretta mas-sema.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.