Il-ħin

  • Fra 12, 2018 10:45
  • Miktub minn Alfred Sant

    Dibattitu interessanti fil-Parlament Ewropew dan l-aħħar kien dwar jekk għandhiex titkompla jew le s-sistema Ewropea dwar il-ħin li jinżamm fis-sajf. Min irid iżomm is-sistema, min irid jibdilha ħalli kull pajjiż jiddeċiedi x'inhu l-aħjar.

    Dwar fhiex jikkonsisti dan “l-aħjar” m'hemmx kunsens. La fil-pajjiżi, wisq inqas fl-Ewropa kollha kemm hi. L-istudji li saru, dwar jekk is-sistema tal-lum toħloqx problemi ta’ saħħa mentali u fiżika fost il-popolazzjonijiet, ftit huma ta’ għajnuna. Qed jiġu kontestati wkoll l-argumenti dwar kif l-arranġamenti preżenti huma meħtieġa biex irażżnu l-użu tal-enerġija.

    Jekk issir xi bidla minn pajjiżi differenti, jkun jaqbel li l-bidliet isiru kollha fl-istess jum. Inkella tinħoloq taħwida mill-kbar.

    Għalija, kif sħaqt f’intervent fil-Parlament, l-aktar punt essenzjali fi kwalunkwe proposta ta’ bidla li ssir jew ma ssirx, hu l-interess tat-tfal tal-iskola, speċjalment iż-żgħar: li bl-iskala tal-ħin li titwettaq, ma jkollhomx iqumu wisq kmieni fid-dlam ta’ filgħodu pereżempju.

    ***

    IL-QALBA TAL-VILLAĠĠI

    Mill-esperjenza personali nista’ ngħid li qiegħda biss fuq il-karta l-politika għall-ħarsien tal-qalba tal-villaġġi – dik il-qalba “storika” b’karatteristiċi li jirriflettu l-modi ta’ għajxien tal-Maltin u l-Għawdxin fl-imgħoddi.

    Il-ħarsien qed jiġi żmantellat permezz ta’ diversi manuvri li m’għandix dubji huma legali imma maħsuba biex jimmanipulaw ir-regolamenti. L-ewwel tiġi aċċettata xi eċċezzjoni għall-poliitka ta’ ħarsien ippreżentata minn applikanti li jidhru, u x’aktarx, ikollhom għanijiet leġittimi. Imbagħad, fuq il-bażi tal-eċċezzjoni li ssir favurihom, jingħataw aktar permessi tal-istess tip, bi trasparenza jew le. F’kemm ili ngħidlek, il-qalba “storika” tkun inbidlet f’gallinar ta’ binjiet “moderni”.

    U ma jkunx baqa’ raġunijiet għaliex daċ-ċentru ma jiġix ippakkjat għal kollox bil-“modern” kummerċjali. Mhix xi ħaġa li qed tiġri biss f’Tas-Sliema.

    ***

    L-UNUR TAL-POLONJA

    Il-Pollakki għandhom raġun jirvellaw kontra l-użu tal-espressjoni “kampi ta’ konċentrament Pollakki” għall-fabriki ta’ ġenoċidju moqżież li bnew f’pajjiżhom in-Nazi. Ma kienx il-ġens Pollakk responsabbli għall-atroċitajiet li twettqu f’Auschwitz u f’imkejjen bħalu.

    Min-naħa l-oħra, il-Gvern Pollakk żbalja fil-mod kif mexxa l-inizjattiva biex jipprojbixxi l-espressjoni. Ipproġetta l-fehma li qiegħed jinnega l-eżistenza tax-Xoa. Anke jekk din ma kinitx l-intenzjoni u anki jekk konkretament dan ma sarx, ingħatat dik l-impressjoni. Jekk hemm ħaġa li jiġri x’jiġri, l-Ewropa żgur qatt ma għandhiex tagħmel, hu li tidher li qed twarrab jew tnessi l-verità terribbli ta’ kif in-Nazi riedu jeqirdu għal kollox il-ġens Lhudi.

    Fid-dinja tal-lum, l-aħbarijiet jirkbu – u r-reputazzjonijiet jitlaħħmu – fuq inċidenti li jolqtu l-attenzjoni tal-midja. Dnub jekk il-Polonja jirnexxilha teħles mill-fama li l-kampi ta’ konċentrament kienu “tagħha” billi tieħu r-reputazzjoni li qed tinnega l-eżistenza tal-Olokawst. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0