Is-sena li għaddiet (1)
Kull sena jkollha tagħha – xi ħaġa li tiddistingwjiha. Anki din is-sena. Sena li bdiet b’suċċess u spiċċat bi preparazzjoni għal sena oħra li wkoll ser tibda bil-kbir. Dan huma ftit mill-affarijiet li laqtuni din is-sena.
Stabilita’: Din is-sena wriet l-istabilita’ li tgawdi Malta. Dan jidher mill-kalmezza in ġenerali li hawn. Ma jfissirx li kuħadd jaħseb hekk. Biss il-maġġoranza assoluta hekk temmen u tħoss. Din l-istabilita’ mhux biss qegħda fl-ekonomija, iżda fis-sigurta’ li tħoss fil-pajjiż. Min ikun imsiefer f’dan iż-żmien jittendi bid-differenza. Filwaqt li hawn ma tħoss l-ebda periklu fl-okkażjonijiet tal-massa, f’pajjiżi oħra Ewropej taħsibha darbtejn jekk għandekx tmur fejn ser ikun hemm ġemgħat minħabba l-biża’ tat-terroriżmu. Terroriżmu li ma nistgħux neħilsu minnu għaliex nemmen li qed niffukaw fuq l-effett tal-problema u mhux għaliex qed tinħoloq din il-problema. Jekk hemm tagħlima li rridu nieħdu minn dan hu li hemm bżonn li nibżgħu għas-sistema soċjali biex nassiguraw li kulħadd hu inkluż. Rigward bejnietna l-Maltin, nemmen li mxejna biċċa sew għaliex illum m’għadniex inħossu, per eżempju, id-differenża li konna nħossu ftit snin ilu bejn it-tramuntana ta’ Malta u n-nofs in-nhar. Naqsu wkoll il-preġudizzji li kellna lejn ċerta rħula. Biss għad għandna x’naqdfu speċjalment biex nintegraw il-barranin li hawn Malta. Waħda mill-affarijiet li għad fadlilna x’nagħmlu hi li nneħħu l-ghettos li ħloqna.
Stabilita’ li baqgħet tinħass hi dwar il-prezzijiet tal-enerġija. Prezzijiet li huma importanti speċjalment li llum mhux biss il-postijiet tax-xogħol, iżda anki d-djar jiddependu fuq dan is-sors. Minn żmien ta’ tibdil kontinwu fil-prezzijiet u żidiet qawwija, dan l-aħħar snin rajna stabilita’ fil-prezzijiet tal-elettriku, il-gas, il-petrol u d-diesel. Din l-istabilita’ ġabet serħan tal-moħħ mhux biss lill-familji iżda anki lin-negozji. Bl-istabilita’ sew il-familji u sew in-negozji jistgħu jippjanaw. Mingħajrha ma tafx x’ser tiffaċċja għada, taħsibha darbtejn qabel ma tidħol għal xi spiża peress li ma tafx il-kontijiet li kont ser tirċievi fil-bidu tax-xahar id-dieħel.
Ċertu Gruppi: Dejjem ser issib gruppi li jaraw kollox iswed. Personalment nemmen li ċerti gruppi qatt ma tista’ tikkuntentahom. Ir-raġuni ħafna drabi tkun l-agenda moħbija. Aġenda li ma jitkellmux fuqha. Biss jekk tifli sew issib li jaqbdu ma’ ċerti fatti u jinsew ħafna oħrajn. Issib ukoll li jikkritikaw, iżda ma jipproponu xejn ġdid. L-emfasi tkun attakk fuq il-persuni u mhux fuq is-sistemi bir-riżultat li jridu jtajru l-irjus iżda s-sistemi jibqgħu kif inhuma. Tgħid forsi biex kif ikollhom ċans jieħdu l-vantaġġ meta jkollhom ċans bħal ma kellhom fil-passat!
Li tiskanta hi kif sistemi li ilhom hemm żmien twil, issa f’daqqa waħda, għal dawn in-nies, mhux qed jaħdmu. Qabel dawn in-nies jew kienu rieqda jew kienu mħabbtin idawru sold sewwa u qatt ma taw kas ta’ x’kien qed jiġri. Issa f’daqqa waħda kollox qed naraw iswed. Ir-raġuni hi li issa hemm ħaddieħor imexxi.
Każ minnhom insibu xi wħud li jippruvaw jgħadduha bħala ambjentalisti. Sakemm biċċa art ma tkunx tintuża, għal dawn ma jimpurtax li tibqa’ mitluqa u ssir miżbla. Iżda kif xi ħadd jipprova jużha biex jagħmel xi proġett, hemm jinstembħu u mmorru nipprotestaw biex nipproteġuha.
Il-Presidenza: Avveniment storiku. Dan għaliex din is-sena bdiet b’Malta tieħu l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. Kien suċċess kbir. Il-Presidenza tal-UE dejjem kienet biċċa xogħol kbira anki għall-pajjiżi l-kbar. Ir-raġuni hi li min ikun qed imexxi l-Presidenza jkollu bżonn ta’ riżorsi kbar minħabba x-xogħol amministrattiv li jinħoloq sew fil-preparazzjoni biex imexxu numru kbir ta’ kumitati iżda wkoll minħabba loġistika li jkollok bżonn. Iżda barra dan kien hemm żewġ affarijiet oħra importanti biex il-Presidenza tkun suċċess. L-ewwel hi li l-pajjiż li jkollu l-Presidenza f’idu jrid jippjana programm ta’ xogħol. Dan jinkludi sew dawk l-affarijiet li l-pajjiż iħoss li jrid imexxi ‘l quddiem u sew bil-programm ta’ xogħol li jkun diġa’ beda qabel taħt Presidenzi oħra. It-tieni, u l-aktar ħaġa importanti li ftit issemmiet, hi li biex ikollok programm li jasal għal konklużjonijiet il-pajjiż li jkun qed imexxi l-Presidenza jrid ħiliet kbar diplomatiċi biex iressaq pajjiżi lejn deċiżjoni li tkun aċċettabbli minn kulħadd.
Din mhix xi ħaġa faċli għaliex kull pajjiż għandu l-interessi nazzjonali tiegħu u kull pajjiż jagħmel minn kollox biex dawn l-interessi jipproteġihom. Kien għalhekk li l-Presidenza kienet suċċess kbir li ħasad lil ħafna. Dan għaliex l-ammont ta’ deċiżjonijiet li ttieħdu fil-Presidenza kien kbir, suċċess li pajjiżi ħafna akbar minn Malta ma rnexxilhomx jilħqu. Biex insemmu waħda li laqtet il-konsumaturi hi t-tneħħija tar-roaming charges. Dan kien suċċess għaliex kien hemm pajjiżi kbar bħal Ġermanja u Franza li kienu xettiċi.
Il-Presidenza wriet ukoll l-abilitajiet li wrew ċerti nies u l-istima li mexxejja oħra kellhom għalihom, iżda wkoll uriet id-disperazzjoni ta’ xi wħud li spiċċaw ġew miksura pubblikament mill-mexxejja Ewropej. Dan ġab għira.
U l-għejra ġġiel li dak li jkun ma jarax sal-ponta ta’ mnieħru.
Attakki mill-Ewropej fuq Malta
L-attakki fuq Malta bdew minn gruppi ta’ Parlamenetari Ewropej li m’għandhomx idea ta’ x’inhu r-rwol tagħhom. Ir-rwol ta’ dawn hu biex nagħmlu Ewropa aħjar għaċ-ċittadini tagħha. Iżda hemm min jara r-rwol tagħhom differenti. Hemm min jara l-Parlament Ewropej bħala palk li fuqu tista’ tmexxi l-politika tiegħek partiġġjana għax tara li ser ikollok coverage aħjar.
Meta qed ngħid coverage ma jfissirx li l-Parlament Ewropew ikun mimli. Anzi l-kuntrarju għaliex ħafna drabi dan kważi jkun vojt għal kollox speċjalment meta jkunu jafu li mhu ser ikun hemm ġurnalisti. Iżda li dak li jintqal fil-Parlament Ewropew jiġi mpinġi li hu ta’ min joqgħod fuqu. U dan jagħti l-opportunita’ biex tkun tista’ tirbombja dak li jintqal hemm fil-ġurnali.
Dan isir ukoll minn ċerti Parlamentari Ewropej biex iwarrbu l-attenzjoni minn fuq pajjiżhom u jwaddbu l-attenzjoni fuq pajjiż ieħor billi jagħmlu minn kollox biex iħammġuh.
Dawn l-attakki qed ikollhom effett fuq kif qed iħarsu Ewropej oħra fuq kull Malti, ta’ liema xelta jkun, li jersaq lejn l-Ewropa. Malta qed tiġi mpinġija bħala pajjiż tal-Mafja. U dan id-dell qed jintefa’ fuq kull Malti u Maltija.
Iżda dawn l-attakki għandhom għan ieħor. Dak li jfarrku l-ekonomija tagħna. Dawn l-attakki l-aktar li qed jagħmlu ħsara hu lill-middle class Maltija. Dan għaliex hi din il-klassi li tiddomina fl-impiegi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Daqqa fuq dan is-settur ifisser daqqa fuq din il-klassi.
L-aħħar attakk hu li f’Malta hawn sens ta’ biża’. Iva, vera. Iżda l-biża’ li hawn hi li dak li rnexxielna nagħmlu bl-għaraq ta’ ġbienna biex inkabbru l-ekonomija tagħna jista’ jintilef u nerġgħu niġu fejn konna fejn minflok naraw il-ġid jiżdied, naraw il-faqar jiżdied. Minflok pożittivita’ naraw negattivita’.
Personalment inħoss li Malta qatt ma għaddiet minn daqs attakki. L-attakki mhux qed isiru fuq grupp ta’ Maltin jew il-gvern. Qed isiru fuq Malta u għalhekk fuq kull Malti ta’ kull eta’, kull klassi soċjali u ta’ kull kulur politiku.
L-aktar li weġġatni hi li lanqas meta konna kolonja ma qatt ġejna stmati hekk.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.