Qalziet ta' taħt u par kalzetti

  • Diċ 16, 2017 14:37
  • Miktub minn Charles Miceli

    Dil-ġimgħa kont mistieden fil-programm tar-radju “Soċjetà li Qed Tinbidel” ippreżentat minn Marika Mizzi f’isem il-Caritas. Programm li jitkellem dwar ir-realtajiet ta’ żmienna. 

    U kull fejn inkun preżenti jien, id-diskors kważi dejjem jaqa’ fuq il-faqar. Anke jekk hawn min ma jiħux pjacir daqshekk li npoġġu dan is-suġġett fuq l-aġenda politika, xorta nħoss li huwa importanti li ma nitfgħux il-fqar u l-vulnerabbli taħt it-tapit.

    Mill-banda l-oħra naf ukoll li hawn min ġenwinament jemmen li l-gvern tal-ġurnata qed jagħmel ħiltu biex inaqqas il-faqar. U ċerti miżuri li ttieħdu fl-ahhar snin ta’ min jirrikonoxxihom.

    RESTORANTI MIMLJIN

    Nieħu gost meta l-programmi jkunu bil-phone-ins għax is-semmiegħa dejjem titgħallem mingħandhom. Barra minn hekk iżewqu l-programm bl-ideat u l-kummenti tagħhom.

    Fi programm li jitratta l-faqar ma jistax jonqos il-kumment ta’ dawk li jħossu li mhux veru hawn il-faqar la darba r-restoranti kollha mimlijin. 

    Ovvjament ħadd ma jista’ jmeri l-fatt li hawn il-ġid. Iżda minkejja l-isforzi kollha li jsiru, il-ġid ma jinżilx għand kulħadd. U jkun hemm każi fejn għal xi raġuni jew oħra l-persuna filli tkun sejra tajjeb filli jinqala’ ntopp u tispiċċa fixxa.

    NISTA’ NIEĦU SHOWER?

    Hi x’inhi r-raġuni, dawn in-nies ma nistgħux inħalluhom ibatu. U mbilli ngħidulhom li r-restoranti kollha mimlijin mhux se nimlewlhom żaqqhom. Mhux biss. Jekk nagħlqu għajnejna dawn in-nies ma narawhomx. Imma xorta ma jisparixxux.

    Din mhix propaganda partiġġjana. Xejn minn dan. Imma appell mill-qalb biex meta u fejn nistgħu ngħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn. L-iżjed f’dawn il-ġranet fejn it-temp ikun beda jiksaħ u l-atmosfera tal-Milied iżżid id-dieqa f’ruħ dawn il-persuni.

    Fuq liema nies qed nitkellem? Qed nitkellem l-aktar fuq dawk kollha li qed ibatu. Imma f’mohhi bhalissa għandi dawk li jmorru jħabbtu Dar Papa Franġisku u jitolbu li jitrejqu u jieħdu shower.

    U f’ċerti każi wara li jkunu nħaslu laqas ikollhom xi jbiddlu u jerġgħu jilbsu l-ħwejjeg maħmugin. Kieku ma tarax ma temminx.

    INKUNU ĠENERUZI

    għall-grazzja t’Alla, il-providenza dejjem tipprovdi ħwejjeg bħal jeansijiet, flokkijiet, qomos, eċċ. Imma fejn jidħlu kalzetti u underwear, kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, il-provvista mhux dejjem tlaħħaq mad-domanda.

    Għalhekk jekk dan il-Milied trid tkun ġeneruz u tagħti rigal mhux tas-soltu, nappellalek tagħti ftit underwear jew kalzetti lil Dar Papa Franġisku. Tista’ tikkuntattjahom fuq 27888211 preferibbilment bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa. 

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0