X’IRIDU L-GĦAWDXIN MILL-EWROPA?
F’laqgħa li żammejna f’Marsalforn, dwar x’jixtiequ l-Għawdxin mill-Ewropa, tqajmu ħafna punti interessanti. Fosthom dwar l-impjiegi f’Għawdex għaż-żgħażagħ u dwar Għawdex bħala reġjun.
Dan tal-aħħar m’għadux moda bħalha suġġett, għal diversi raġunijiet. Għalhekk stagħġibt meta żagħżugħ fl-għoxrinijiet tkellem fuqu b’interess kbir. Saħansitra staqsa jistax jara kopja tal-White Paper dwar Għawdex bħala reġjun li konna ħriġna meta hu kellu erba’ snin jew anqas! Nipprova nara nsibx kopja.
Għalkemm fl-aħħar snin, sar titjib sostanzjali fil-qagħda ekonomika u soċjali ta’ Għawdex, l-Għawdxin għadhom iħossuhom fi żvantaġġ. Anke jekk xi kultant irridu nżommu saqajna mal-art dwar dan l-aspett, naħseb li l-aqwa oġġettiv għandu jkun dak li jinħolqu impjiegi produttivi u mħallsa tajba fil-gżira għaż-żgħażagħ Għawdxin.
QTIL POLITIKU
Uħud qaluli: l-assassinju tas-sinjura Daphne Caruana Galizia kien qtil politiku.
Saqsejthom: X’jiġifieri f’das-sens – qtil politiku?
Jiġifieri sar għal-mottivi politiċi, uħud mill-uħud wieġbu.
Personalment inqis vojt dan it-tip ta’ ġudizzju, l-istess bħall-ġudizzji l-oħra li mill-ajru, jagħtu dan jew dak il-mottiv biex “isolvu” l-każ orribbli. Imma jekk wieħed “jaċċetta” l-verżjoni politika, irid jistaqsi mbagħad lil min politikament dan l-att kriminali seta’ jibbenefika.
Neskludu forzi politiċi barranin, għażla li ma tidhirx probabbli.
Il-gvern jew il-partit Laburista żgur ma kellhomx x’jibbenefikaw milli ġara; anzi tilfu. Caruana Galizia kienet strumentali bil-qawwi għal waħda mill-akbar rebħiet elettorali tal-PL.
L-istess il-Kap tal-Oppożizzjoni attwali, li daħal fil-kariga b’rebħa fuq fost oħrajn, il-kampanja kontrieh li għamlitlu Caruana Galizia. Żgur ma kellu l-ebda interess iċajpar dir-rebħa.
Jibqa’ dik il-parti tal-PN li mexxiet il-partit fl-aħħar ħamsa u għoxrin sena, spiċċat skreditata għall-aħħar imma xorta riedet tibqa’ tmexxi l-partit.
Naturalment, dawk li jittimbraw dak li ġara bħala “qtil politiku” b’xejn ma jridu jsegwu dil-loġika li toħroġ mill-istess kliemhom.
“GLYPHOSATE”
Għal mument kelli konflitt għandix nivvota fil-Parlament Ewropew favur li tiġi projbita l-glyphosate, il-kimika użata bħala fertilizzanti u li saret magħrufa bħala ta’ dannu għas-saħħa. Barra mill-kumpanija Amerikana kbira li tipproduċiha li mexxiet ħidma enormi mad-dinja kollha kontra l-projbizzjoni, hemm kważi s-settur kollu tal-bdiewa Ewropej kontra; inkluż dak ta’ Malta, kif rappreżentat mill-koperattivi.
Il-bdiewa jibżgħu li mingħajr dal-fertilizzant, titnaqqsilhom il-produzzjoni u jitilfu l-flus.
Biss, l-istudji li saru dwar id-deni fuq is-saħħa tal-popli li jġib miegħu l-glyphosate ma jistgħux jitwarrbu, minkejja l-istudji l-oħra li xandret fil-propaganda tagħha, il-kumpanija Amerikana.
Għalhekk ivvotajt mas-soċjalisti u d-demokratiċi għat-tneħħija tal-glyphosate. Nemmen li għandhom jitmexxew programmi biex il-bdiewa Ewropej jingħataw kumpens u alternattivi ħalli jilqgħu għall-effetti tal-bidla. Imma m’hemmx kompromessi fil-ħarsien tas-saħħa tal-poplu.
Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.
Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra.
Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub.
Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett.
Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju,
inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.
Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek,
se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih.
F'din l-imejl se tirċievi security code.
Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni.
Din hija proĊedura li ssir darba.
Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek.
Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.