Traffiku... waslet l-iskola

  • Set 10, 2017 20:25
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Muturi

    F’artiklu riċenti semmejt l-Awtorita’ tat-Trasport.  Dan l-aħħar kien hemm kampanja biex is-sewwieqa tal-karozzi jibdlu l-imġieba tagħhom meta jiltaqgħu ma’ mutur fit-toroq tagħna.  Din il-kampanja kienet tgħodd għar-roti wkoll.  Naqbel ma’ din il-kampanja u għandna bżonn kampanji oħra bħal din.  Il-messaġġ ta’ ‘Share the road’ hu importanti għas-sewwieqa għaliex irridu nifhmu li t-triq mhix tal-karozzi biss.  

    Kampanji bħal dawn huma importanti għaliex ħafna drabi tant inkunu mdorrijin b’mod ta’ mġieba li lanqas biss nittendu li d-dinja ta’ madwarna nbidlet u jkun hemm bżonn inbiddlu l-imġieba tagħna.  Meta kont żgħir ma tantx kien hawn karozzi jiġru mat-toroq tagħna.  Għalhekk li timxi u tilgħab ma’ sħabek f’nofs it-triq kienet xi ħaġa komuni mingħajr periklu.  Lanqas kienet xi ħaġa stramba li fit-toroq kont tara flieles u tiġieġ.  Tant kien hekk li t-toroq kienu jkunu ħajja bl-għajjat tat-tfal u nies.  Illum minħabba li żdiedu l-karozzi, dawn l-affarijiet lanqas toħlomhom.  Kellna bżonn u biddilna l-imġiba tagħna.  

    Hekk ukoll li rridu nagħmlu llum speċjalment meta qed ninkoraġġixxu lin-nies biex jużaw aktar ir-roti u l-muturi.  Xi ħaġa li għandna bżonn nagħmlu biex innaqqsu l-konġestjoni fit-toroq tagħna.  It-toroq tagħna huma dawk li huma u għall-maġġoranza tagħhom ma jistgħux jitwessgħu.  

    Biss nemmen ukoll li hemm bżonn ta’ kampanja oħra dwar is-sewqan tal-muturi.  Qed insemmi l-muturi u mhux ir-roti għaliex nemmen li ħafna drabi hi l-imġieba tagħhom li hi perikoluża.  Tar-roti huma ħafna aktar prudenti u rari joħolqu periklu.  

    Fil-fatt nagħmilha ċara li mhux kull ma jsuq mutur hu perikoluż.  Per eżempju, illum saret drawwa li numru ta’ muturi jiltaqgħu speċjalment nhar ta’ Ħadd filgħodu u jmorru jduru xi mkien bħala grupp.  Personalment nemmen li l-imġieba tagħhom hi tajba għaliex minkejja li jkunu numru, xi kultant mhux ħażin, xorta jkollhom imġieba tajba u dixxiplinata.  Taf fejn qegħdin u s-sewqan tagħhom hu prevedibbli.  Għalhekk mhux ta’ periklu.  

    Il-periklu ġeneralment jinħoloq minn dawk li jkunu qed isuqu l-mutur għal rashom.  Huma dawn li jserrpu mat-traffiku kollu.  Litteralment ma tkunx taf fejn qegħdin, minn fej ġejjien u fejn ser imorru għax  imorru lejn kull tikka spazju.  L-istess meta jkun hemm ħafna traffiku fit-triq.  Mhux l-ewwel darba li tara xi ħadd bil-mutur iserrep u meta ma jistax jgħaddi jmurlek bejn iż-żewġ lanes u jibda jserrep hemm.  Mhux talli joħloq periklu fil-lane tiegħu, iżda joħloq periklu akbar għal dak it-traffiku li jkun ġej min-naħa l-oħra għaliex min isuq fuq dik in-naħa mhux l-ewwel darba li f’daqqa waħda jara mutur ħiereġ minn ġot-traffiku tan-naħa l-oħra isuq dritt għal ġo fih.

    Bħal min isuq il-karozzi jrid jaqsam it-triq ma’ ħaddieħor, l-istess ħaddieħor irid isuq mingħajr ma joħloq l-ebda periklu.  Ikun tajjeb li ssir kampanja li tinkoraġġixxi code ta’ sewqan għall-muturi biex b’hekk sew huma u dawk li jsuqu l-karozzi jkunu jafu kif jistgħu jaqsmu t-triq mingħajr periklu.

    Waslet l-iskola

    Issa waslet l-iskola u żgur li magħha ser jiżdied it-traffiku.  Qatgħa għal kull min isuq għax jaf li jekk illum it-traffiku jimxi bil-mod minħabba l-kwantita’ ta’ karozzi li għandna fit-toroq, meta tibda l-iskola kważi kollox jiġġammja.  

    Nemmen li dan jiġri mhux biss għax hemm ħafna karozzi fit-toroq tagħna, iżda minħabba d-drawwiet li daħlu.  Meta kont żgħir jien, tfal imorru l-iskola kien hemm, probabbilment aktar mil-lum.  Biss it-tfal kienu mdorrija differenti.  Il-primarji tal-Gvern, veru kienu f’kull belt u raħal, iżda s-sekondarji ma kinux.  Għalhekk it-tfal minn ħdax-il sena ‘l fuq kien ikollna mmorru ġo belt jew raħal differenti.  Is-sistema kienet faċli.  Niftakar li l-ewwel darba ommi wasslitni sa tal-linja u minn hemm tlaqt lejn l-iskola waħdi.  Din kienet l-ewwel darba biss għax il-bqija dejjem waħdi mort.  U dan mhux jien biss kont nagħmlu.  Kienu jagħmluh kważi t-tfal kollha.  Dak iż-żmien kien ikollna l-pass biex inħallsu prezz anqas.  Il-qbija kollox normal bħal nies oħra.  Ħadd ma kien jaqta’ qalbu jew jibża’.  Drajna s-sistema, u drajna wkoll nikkalkulaw li naslu fil-ħin.

    Veru li ftit nies kellhom il-karozza privata tagħhom, imma anki dawn kienu jibagħtu l-tfal tagħhom waħedhom.  Aktar ma żdiedu l-karozzi, aktar ġenituri bdew iwasslu t-tfal l-iskola huma.  Dak iż-żmien is-sistema tal-karozzi tal-linja setgħet ma kinitx daqshekk estensiva.  Biss li twassal it-tfal l-iskola bil-karozza daħlet drawwa u tant daħlet il-ġewwa li kulħadd joħodha bħala l-ħaġa loġika u l-unika ħaġa li ssir.  Din taraha fil-livelli kollha tal-edukazzjoni sal-Universita’.  

    Il-Gvern qed jipprova jsolvi l-problema billi jinkoraġġixxi biex jinbidlu d-drawwiet.  Fost dawn insibu li liż-żgħażagħ għal din is-sena ma jħallsux għat-trasport pubbliku.  Hemm inizjattiva oħra biex il-Gvern jorganizza trasport b’superviżjoni għat-tfal.  

    Barra dawn illum hemm sistemi oħra li għad irridu naraw aktar minnhom u li jestendu għal aktar servizzi.  Waħda minnhom hi s-sistema fejn ġenituri jiftehmu bejniethom biex jieħdu t-tfal tagħhom darba kull wieħed.  B’hekk mhux biss huma jiffrankaw iż-żmien tagħhom iżda wkoll inaqqsu mit-traffiku.  Forsi hemm min jgħidlek li diffiċli biex tirranġa dawn l-affarijiet int.  Imma llum hemm website www.bumalift.com li torganizzalek dan hi.  Din illum toffri dan is-servizz sew għall-iskejjel u anki għall-Universita’.  Hemm il-ħsieb ukoll li din tiġi estiża wkoll għal dawk li jkunu jridu jużaw dan is-servizz anki biex imorru x-xogħol.  

    Tajjeb niftakru li s-sistemi ta’ trasport jiġu żviluppati kemm jiġu żviluppati xorta jibqa’ l-fatt li jekk ma nbiddlux l-użanzi tagħna ma jaħdmux.  Il-biċċa hi li ma tantx għad fadlilna żmien biex jekk dawn id-drawwiet ma nibdluhomx volontarjament, ser ikollna nibdluhom xorta, bħal ma għamlu pajjiżi oħra, billi jew ikun hemm restrizzjonijiet jew penali.  Naħseb li aħna maturi biżżejjed biex ma jkollniex naslu għal dan l-istat.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook