Terroriżmu fl-Ewropa

  • Aww 28, 2017 08:00
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Bil-mod kif qed jibdel l-operat tiegħu, it-terroriżmu fl-Ewropa qed jirnexxilu jwettaq massakri ta’ persuni innoċenti. Imma bl-ebda mod ma jidher li qed jilħaq xi mira jew oħra li suppost ikollha l-ġiħad. 

    L-ebda demokrazija Ewropea ma theżżet bil-kbir sa issa minħabba t-terroriżmu. 

    Bl-istess mod, l-ebda politika Ewropea lejn il-lvant nofshani u lil hinn minnu ma ġiet affettwata. Jekk f’dal-qasam, l-istrateġija tal-pajjiżi Ewropej tidher ta’ spiss imħawda, dan mhux minħabba t-terroriżmu imma għal raġunijiet li eżistew minn qablu. Għax dejjem kienet ħaġa diffiċli għall-Ewropej li jmexxu relazzjonijiet koerenti u konsistenti mar-reġjuni konċernati. 

    Il-perspettiva allura tibqa’ ta’ attakki ripetuti lil hemm u lil hawn. Ħafna nies se jmutu. Qrabathom se jibqgħu tul ħajjithom imbikkma bit-tifkira tal-massakri. Hekk kien ġara bl-attentati tax-xellug estrem fl-Ewropa tal-punent tul is-snin sebgħin u l-bidu tat-tmeninijiiet tas-seklu l-ieħor. 

    Sakemm intfew, dawk il-kriżijiet ħallew qrusa kbira warajhom bla ma bidlu xejn mir-realtà politika u ekonomika tal-Ewropa. 

    ***

    EKONOMIJA TAS-SAJF

    Tgħid neħtieġu miżura separata għal kif inkejlu l-ħidma ekonomika matul is-sajf? Teorikament, żmien il-vaganzi hu meta ċ-ċittadini jistrieħu u jiddevertu ħalli wara jkunu f’qagħda aħjar biex jikkonfrontaw l-isfidi tax-xogħol u tat-tensjonijiet li dan iġib miegħu.

    Waqt li jkunu qed jistrieħu u jiddevertu, mhux kull ma jagħmlu jiġi reġistrat bħala ħidma ekonomika. Imma l-istess mistrieħ qiegħed jaġevola l-ħidma li ċ-ċittadini se jkunu qed jagħmlu aktar tard. Mingħajru mhux se jkunu daqshekk produttivi. 

    Fil-kejl tal-ekonomija tas-sajf, irid jidħol xi kalkolu tal-valur miżjud li jirrapreżenta dan is-serħan. Dwaru ma hemm allokat sa fejn naf jien sa issa, l-ebda stima monetarja. Imma fil-mistrieħ hemm, mela ma hemmx, valur miżjud!

    ***

    FESTIVALL LETTERARJU

    Dis-sena kont mistieden nieħu sehem fil-festivall letterarju mtella’ minn Inizjamed f’Awwissu. Fi snin oħra, segwejt l-andament tal-festivall mill-bogħod. Dis-sena rajtu mill-qrib, u bqajt impressjonat. L-organizzazzjoni kienet impekkabbli b’kollox jaqa’ f’postu fil-ħin. Il-parteċipazzjoni ta’ kittieba barranin offriet għażla mżewqa u interessanti ta’ talent mill-Ewropa u lil hinn minnha.

    Impressjonanti wkoll kienet l-attendenza. It-tifkiriet li għandi ta’ laqgħat hekk fl-imgħoddi huma ta’ udjenzi li kienu jaqbżu l-għoxrin ruħ bi tqanżiħa. Preżenti għas-serati tal-festivall kien hemm ħafna ħafna aktar minn hekk. Il-post fejn inżammu, il-forti Sant Iermu, kien ideali.

    Sadattant, ir-ritmu li bih ittellgħu l-preżentazzjonijiet differenti kien imħarrek, imma mhux wisq – hekk għandu jkun. Laqatni ħafna d-dokumentarju video fuq Victor Fenech u l-poeżija tiegħu, mhux l-anqas għax sammar tajjeb ħafna r-rabta bejn l-impenn poetiku u l-ħarsien u l-apprezzament tal-wirt naturali ta’ pajjiżna.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook