Id-Dar t’Alla

  • Aww 24, 2017 19:20
  • Miktub minn Charles Miceli

    Lejn l-aħħar tas-snin disgħin il-Caritas bdejna niffaċċjaw problema ta’ nies li kellhom il-vizzju tad-droga u bdew jispiċċaw homeless. Għal raġuni jew oħra.

    U qtajnieha li niftħu shelter għal dawn in-nies. Bir-responsabbiltà biex jitmexxa taqa’ fuqi. Sfida li lqajt bil-ferħa. Għalhekk qabel middejna għonqna għax-xoghol irranġajna biex naraw kif jaħdmu shelters simili fl-Awstrija u l-Ġermanja. 

    Niftakar waqt waħda mil-laqgħat li kellna mal-amministrazzjoni tal-Caritas ta’ Innsbruck, staqsewna kemm għandna knejjes u kappelli Malta. Weġibthom li ma nafx eżatt imma ħafna, ħafna. U huma kienu pronti qaluli, “allura kif għandkom il-homeless Malta?”

    Jien b’mod sarkastiku weġibthom għax Ġesù Malta jiddejjaq jorqod man-nies.

    Ta’ min jgħid li l-kappella li kien hemm mal-bini tal-Caritas ta’ Innsbruck kienet miftuħa 24 siegħa kuljum, b’ħafna cushions mal-art. 

    Ikla

    Din il-ġrajja kont insejtha għal kollox imma erġajt ftakartha meta qam għagħa għax Dun Kalċidom Vassallo, Kappillan tal-Imġarr, għamel riċeviment żgħir għall-morda u l-anzjani fil-knisja wara quddiesa li saret apposta.

    Kien hemm ħafna li ddarsu għax qalu li dan qatt ma kellu jsir. Il-Knisja, għal dawn it-talin, hija d-dar t’Alla u għandha tintuża biss għat-talb.

    Veru li mitt bniedem elf fehma, imma din li n-nies għandhom jidħlu fil-knisja biss biex jisimgħu l-quddies u jgħidu xi rużarju, xejn ma tinżilli.

    Dun Kalċidon m’għandux bżonn id-difiża tiegħi. 

    Imma fis-seklu 21 niskanta kif għadna niskruplaw għax xi ħadd jiġbor il-morda u l-anzjani fil-knisja u jagħtihom xi ħaġa x’jieklu u x’jixorbu.

    Allah hu mħabba

    Ma rridx ngħid ereżijiet. Imma naħseb li fid-dinja kulħadd għandu Alla għalih. U Alla ta’ wieħed mhux eżatt Alla tal-ieħor. 

    Dak li nifhem jien bil-kelma Alla ħafna drabi huwa differenti għal kollox min dak li tifhem int.

    Għalija sempliċi ħafna. Alla huwa mħabba. Mingħajr l-imħabba m’hemmx Alla. U lil Alla narah f’kulħadd. L-aktar fin-nies vulnerabbli. Fl-anzjani, fil-morda, fil-ħabsin, fil-homeless, fl-immigranti, fil-fqar.

    U jekk il-Knisja hija d-dar t’Alla, allura bil-loġika tiegħi, l-ewwel u qabel kollox hija ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. 

    Il-ħabs

    Għal ħafna snin aktar sibt lil Alla fil-ħabs ta’ Kordin milli f’xi santwarju. Niftakar darba mort nara lil James il-ħabs u qabel tlaqt tgħidx kemm irringrazzjani.

    Jien bi tbissima għidtlu li jien għandi għax nirringrazzjah. Staqsieni għaliex. Għidtlu għax bis-saħħa tiegħu se nidħol fis-saltna tas-smewwiet.

    “Kif?” reġa’ staqsieni. Għidtlu “għax meta mmut Alla se jgħidli ‘idħol fis-saltna ghax kont il-ħabs u ġejt iżżurni’. U jien inwieġbu, meta kont il-ħabs u ġejt inzurek. U hu jweġibni ‘jien kont James’.”

    Il-ħabib tiegħi James ma seta’ jifhem xejn u baqa’ skantat iħares lejja. U ngħid is-sewwa kelli naqra diffikultà biex infehmu.

    Imma dak jien. 

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook