Neymar… Lingwi… Insurance

  • Aww 15, 2017 09:35
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Neymar 

    L-aħħar kitba tiegħi kienet dwar it-trasferiment tal-player Neymar Jr mal-klabb Paris Saint-Germain għas-somma esagerata ta’ €222 miljun.  L-Għaqda Internazzjonali tal-Plajers Professjonali FIFPro iddeskriviet dan it-trasferiment bħala ‘Ġennata’.  Mhux talli hekk, talli għamlet sejħa lill-Unjoni Ewropea biex tinvestiga r-regoli tal-FIFA tat-trasferimenti li jinkoraġġixxu l-kompetizzjoni, li huma ġusti u illegali skont ir-regolamenti li kienet għaddiet l-UE fl-2001.

    Il-Lingwi

    Il-lingwi huma importanti għal żewġ affarijiet.  Huma mezz importanti ta’ komunikazzjoni u fl-istess ħin huma wkoll mezz importanti ta’ identita’ nazzjonali.  Nemmen li hu importanti li nżommu dan f’moħħna meta wkoll nitkellmu dwar l-eżamijiet u r-regoli biex l-istudenti jiġu aċċettati fl-universitajiet.  

    Ser nieħu l-eżempju tal-Universita’ ta’ Malta għaliex ħafna mill-kritika li ssir issir lejn din l-istituzzjoni u hi wkoll l-akbar universita’ f’Malta. 

    L-Universita’ titlob li student jissodisfa żewġ tipi ta’ ħtiġiet permezz ta’ kwalifiki.  Għandek dawk li jirriflettu li student għandu edukazzjoni ġenerali u dawk il-kwalifiki li għandek bżonnhom biex tidħol ġo xi kors partikolari.  Ġeneralment il-kritika tkun il-ħtiġiet li juru li l-istudent għandu edukazzjoni ġenerali li jagħtu lill-istudent ċertu ħiliet bażiċi li jista’ jkompli l-kors tiegħu b’suċċess.  Hu għalhekk li nsibu li fost dawn il-ħtiġiet hemm żewġ lingwi u l-matematika  

    Il-kontroversja tinqala’ ġeneralment fuq il-Malti u l-Matematika għalkemm personali nemmen li hemm numru wkoll ta’ studenti li jsibu diffikulta’ bl-Ingliż.  Jekk nieħdu l-Ingliż u l-Malti dawn huma ż-żewġ lingwi nazzjonali u għalhekk nemmen li dawn għandhom ikunu parti mill-ħtiġiet li student għandu jissodisfa.  Ma naqbilx mal-proposta li ħarġet mill-Universita’ li biex tiġi meħlus mill-Malti tibda tħallas.  Ma naqbilx għal numru ta’ raġunijiet.  Jekk naqblu ma’ din il-proposta, ifisser li l-Malti mhux bżonnjuż.  Allura tqum il-mistoqsija, għalfejn qed hemm.  Raġuni oħra, fl-opinjoni tiegħi aktar serja hi, li din il-proposta qed iddaħħal il-prinċipju li jekk inħallas nista’ niġi eżentat minn suġġett.  Ftit ieħor ngħidu li jekk trid tista’ tħallas u tixtri degree!

    Ktibt li nemmen li dawn il-lingwi għandhom ikunu ħtiġiet.  Biss ma jfissirx li l-affarijiet għandhom jibqgħu kif inhuma.  Dan għaliex nemmen li l-livell meħtieġ u l-użu jindikaw mod ieħor.  Fil-fatt il-livell meħtieġ hu dak tas-SEC (għall-antiki bħali O level).  Jien nemmen li għandu jkun hemm żewġ tipi ta’ dawn l-eżamijiet.  Dawk li bi ħsiebhom ikomplu jistudjaw il-lingwi, il-livell u l-eżami nnnifsu għandu bażikament jibda l-istess.  Biss għal dawk l-istudenti li ser ikomplu jistudjaw suġġetti oħra, l-eżami għandu jkun dak li jgħidulu ‘proficiency test’ fejn il-grammattika u l-letteratura bil-kemm jidħlu.  B’hekk inkunu qed niffaċilitaw mingħajr ma narmu kollox il-baħar.  Ċert li dan il-metodu flimkien ma’ metodi oħra jgħin bil-kbir ukoll lil dawk li jbatu b’xi kundizzjonijiet.

    L-insurances tal-ivvjaġġar

    Bħalissa hu żmien li ħafna jsifru.  Naqbel u nħeġġeġ lil dawk li jkunu ser isiefru biex jieħdu xi insurance.  Ir-raġuni prinċipali hi li insurance iġġiblek serħan tal-moħħ.

    Dan ma jfissirx li kull insurance hi tajba għalik.  Kollox jiddependi fuq dak li tenħtieġ.  Qabel ma tixtri l-insurance trid tara x’inhuma dawk l-affarijiet li int għandek bżonn.  Importanti li qabel ma tixtri insurance tiċċekkja li dawn l-affarijiet l-insurance tkoprihom.  Tajjeb li tistaqsi, iżda hu aktar importanti li tistaqsi fejn qegħdin miktuba fil-policy tal-insurance.  Jekk tara li l-Ingliż li bihom hi miktuba mhux ċar, għid lil min qed ibiegħlek biex jiktiblek li dawk iċ-ċirkostanzi li għalik huma importanti huma żgur koperti.  

    Tgħidli biċċa xogħol.  Iva, imma b’hekk biss ikollok moħħok mistrieħ.  Ftakar li l-kliem ma jiswa xejn.  Bħal ma jgħid il-Malti, tkun qed tħożż fl-ilma.  

    Ir-raġuni hi li jekk ma tkunx żgur li dawn l-affarijiet huma koperti, tkun qed tarmi l-flus.  U ngħiduha kif inhi, illum l-insurances m’għadhomx irħas.  

    Il-Maltin illum saru aktar avventurużi fil-vjaġġi tagħhom.  Konsegwenza ta’ dan hi li mhux l-ewwel darba li biex tasal għal post fejn ser tkun tieħu l-vaganza tiegħek jitlob li int tibdel ammont ta’ ajruplani.  Per eżempju, jekk jien irrid immur il-Polonja u dakinhar li jien irrid insiefer ma jkunx hemm ajruplan dirett, biex nasal ikolli l-ewwel immur ajruport ieħor u hemm nieħu titjira oħra  

    Kun af, li ħafna mill-insurances kull ma jkopru hu biss l-ewwel biċċa tal-vjaġġ jiġifieri sa l-ewwel ajruport.  Jekk għal xi raġuni l-ajruplan jasal tard u titlef it-tieni titjira, insurance komuni ma tkoprikx.  Il-biċċa hi li din il-limitazzjoni hemm insurances li ma jiktbuhiex.  Meta l-konsumatur jixtri dawn it-tip ta’ insurances jaħseb li hu kopert.  Jekk fil-policy ma tarax biċ-ċar li jekk jiġri hekk int kopert, aħsiba sew, għax  jekk jitlef it-titjira u tagħmel claim ma tieħu xejn.  Oqgħodu attenti għax hemm insurances li minkejja li ma jkunu kitbu xejn fil-policy tagħhom dwar din il-ħaġa, b’arroganza jgħidulek li missek kont taf li kull ma hu kopert hu biss l-ewwel biċċa tat-titjira.  It-tort tagħhom jitfugħ fuqek!

    Dan li semmejt jgħodd ukoll għal dawk l-insurances li jingħataw minn xi banek meta int tixtri xi cards minn tagħhom.  Il-kliem fuq il-leaflet, ikun wieħed ġeneriku u biex tkun żgur tkun trid tidħol fis-site tagħhom u tniżżel il-policy minn hemm.  

    Bħal ma ktibt, nemmen li l-insurances huma bżonnjużi biss hu fl-interess tiegħek li tiċċekkja għax illum jimlewk b’ħafna informazzjoni bi kliem tekniku li ma jiftihemx jew ma  jgħidulek xejn jew inkella l-policy tkun miktuba bi kliem li jista’ jinftihem b’ħafna modi.  Illum ma tista’ tafda lil ħadd.  

    Hu wkoll ir-responsabilta’ tal-agenziji pubbliċi li għandhna biex jiżguraw li id-drittijiet tal-konsumaturi huma mħarsa li jaraw li t-termini tal-insurance huma ġusti.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0