RĦISA? GĦOLJA?

  • Aww 15, 2017 08:40
  • Miktub minn Alfred Sant

    RĦISA? GĦOLJA?

    Jekk qed nifhem tajjeb it-tbassir dwar il-prezz tal-enerġija għaż-żmien li ġej, it-tendenza hi lejn għoli moderat. Imma l-provista tal-enerġija tinfirex fuq diversi prodotti, minn faħam, sa żejt, sa qawwa ta’ riħ u xemx, sa nukleari. Mhux fl-oqsma kollha l-prezzijiet jiżdiedu jew jonqsu bl-istess mod.

    Il-lanja ta’ tkabbir ekonomiku fl-Ewropa u f’żoni oħra qed tgħin biex iżżid fit-tendenza għall-għoli fil-prezz tal-enerġija – li forsi mhix ħaġa ħażina. Fl-aħħar sentejn, l-ilment fl-Ewropa kien li l-prezzijiet mhumiex jogħlew biżżejjed. Ħtiġilhom jersqu aktar lejn it-2 fil-mija li ssettja l-Bank Ċentrali Ewropew f’linja mal-kundizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

    Dan ma ġarax, minkejja l-biljuni ta’ ewro li kull xahar il-Bank Ċentrali Ewropew baqa’ jippompja fl-ekonomija Ewropea bil-programm tiegħu ta’ “quantitative easing”. X’se jiġri issa?

    BIDLA FIL-KLIMA

    L-Ewropej għandhom raġun jinkwetaw bid-deċiżjoni tal-gvern Amerikan li jara kif joħroġ mill-ftehim internazzjonali “ta’ Pariġi” dwar ħarsien mill-bidla fil-klima. Wara l-falliment li spiċċaw fih in-negozjati ambjentali “ta’ Kyoto”, il-ftehim Pariġin bilfors jitqies bħala l-aħħar tarka li baqagħlna kontra l-ħsara tal-bidla li qed isseħħ fil-klima dinjija. Talanqas dil-ħaġa tgħodd għal min jemmen li tassew qed iseħħ dat-taħsir.

    L-amministrazzjoni ta’ Donald Trump ma temminx. Ma tqisx li l-Istati Uniti għandhom juru xi leadership f’hekk. 

    L-Unjoni Ewropea qed tagħmel tajjeb li tara kif tista’ żżomm il-ftehim “ta’ Pariġi” għaddej, mingħajr l-Amerikani. Mhijiex ħaġa faċli.

    Sadattant imma, saret ħaġa faċli tikkonvinċi ruħek – kif qed jiġrili jien, għalkemm bla ebda bażi xjentifika – li tassew il-klima qed tinbidel. Ma niftakarx... għalkemm il-memorja tista’ tkun imxellfa... li mal-Ewropa kważi kollha, qatt għaddejna minn sajf sħun daqs dan.

    ELEZZJONIJIET PRIMARJI

    L-idea li kandidat ta’ partit għall-aqwa karigi tal-istat jintgħażel permezz ta’ elezzjoni primarja fi ħdan il-partit jew is-segwaċi tiegħu hi mekkaniżmu Amerikan li hemm ħafna fhiex tfaħħru. Hu proċess demokratiku li jinvolvi l-kotra u jipprova jevita li jistrieħ għal ħatra jew oħra fuq kukkanji u klikek, kif ta’ spiss jiġri fil-politika. 

    Il-mudell xtered lejn l-Ewropa fejn qabad. Imma qed jagħmel il-ġid?

    Żgur li le għal-lemin Franċiż, li bil-primarja nqabad b’kandidat li kellu difett kbir moħbi u ma setax jeħles minnu.

    Fil-Partit Laburista Ingliż, mekkaniżmu li jixbah lil tal-primarji wassal biex Jeremy Corbyn ikun mexxej tal-partit. Jien naħseb li dik kienet għażla tajba ħafna, imma hemm min ma jaqbilx!

    Imbagħad għandna l-primarja għaddejja fi ħdan il-PN f’Malta. Wieħed jista’ jiddubita kemm it-tul ta’ żmien li qed tieħu jista’ jkun ta’ ġid għall-istess partit.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook