Stat Reliġjuż

  • Lul 09, 2017 19:41
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Bħalissa għaddej id-dibattitu fil-Parlament dwar din il-liġi biex iġġib ugwaljanza fiż-żwieġ.  F’dan id-dibattitu saru ħafna kummenti dwar din il-liġi li fakkruni fiż-żminijiet l-antiki.  Żmien fejn ma kienx hemm l-ebda separazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja.  Żmien fejn l-unika differenza bejn Malta ta’ dak iż-żmien u l-Iran taħt Khomeini kien biss ir-reliġjon.  F’tal-aħħar hemm ir-reliġjon Musulmana u f’tal-ewwel kien hemm ir-reliġjon Kattolika.

     

    Fejn int għandek stat reliġuż ma jistax ikollok la demokrazija u lanqas liberta’ għaliex kulħadd irid jimxi mar-reliġjon dominanti li tkun ukoll il-bażi tal-liġijiet tal-pajjiż li jagħrfu biss il-prinċipji ta’ dik ir-reliġjon.  

     

    Il-qofol tal-ġlieda politiko-reliġjuża tas-sittinijiet kienet jekk nibqgħux stat reliġjuż jew ikun hemm firda bejn l-istat u l-knisja u b’hekk ikollna demokrazija u liberta’.  Fis-sittin il-maġġoranza tal-Maltin riedu stat reliġjuż u ġew jitmejlu li bniedem għandu dritt li jħaddan ir-reliġjon li jrid, jekk jemmen f’xi ħaġa, u jgħix kif irid.  

     

    Il-ġlieda politiko-reliġjuża ma saritx għalxejn għax bIż-żmien l-ideat inbidlu u relattivament ftit ta’ snin wara rajna dan meta, b’sorpriża għal ħafna, il-maġġoranza tal-Maltin ivvutaw biex jidħol id-divorzju.  F’dik il-kampanja min kien jemmen fi stat reliġuż ressaq l-argumenti li d-divorzju mhux aċċettabli għall-Knisja u għalhekk m’għandux jidħol.  Il-poplu ra din il-kwistjoni differenti.  Minkejja li l-maġġoranza ma jemmnux fid-divorzju, xorta vvutaw biex f’Malta jkun possibbli li xi ħadd jista’ jieħu d-divorzju.  Ir-raġuni li aċċettaw dan kienet għax jemmnu li kulħadd għandu dritt, sakemm ma jillimitax il-liberta’ ta’ ħaddieħor, li jgħix kif irid.  Il-maġġoranza riedet Malta aktar miftuħa, aktar demokratika u aktar libera.

     

    Għidt li l-maġġoranza ma jemmnux fid-divorzju.  Dan intwera għaliex l-ammont ta’ nies li jmorru għad-divorzu mhux xi wieħed fenominali u xorta l-maġġoranza l-ewwel jippruvaw jieħdu annullament.  B’daqshekk xorta dawn in-nies aċċettaw li l-Istat joffri d-divorzju lil dawk li jriduh, mhux għax jemmnu fid-divorzju, iżda għaliex jemmnu fil-liberta’ u li l-Istat għandu jistma lil kulħadd l-istess.

     

    Jekk niġu għall-Membri Parlamentari dawn iridu jaġixxu bħala rappreżentanti taċ-ċittaddini kollha.  Filwaqt li jridu jirrappreżentaw l-opinjonijiet tal-maġġoranza ma jistgħux iwarrbu dawk tal-minoranzi.  Li jrid jagħmel Membru Parlamentari mhux li jagħmilha ta’ alla li jiddeċiedi liema valuri huma tajba jew ħżiena iżda li jassigura li kulħadd iħossu parti mis-soċjeta’, għandu l-istess drittijiet ta’ ħaddieħor, jgħix fil-liberta’ tiegħu, mingħajr ma jtellef dawn l-affarijiet lil ħaddieħor.  B’hekk biss ikun qed isaħħaħ sew is-soċjeta’ u sew id-demokrazija.  Fuq kollox irridu niftakru li prinċipju importanti f’demokrazija hu li kulħadd hu ugwali sew fid-drittijiet u fil-libertajiet tiegħu.  Jekk ninsew dan il-prinċipju, inkunu qed nieħdu l-ewwel pass biex id-demokrazija nitfgħuha l-baħar.

     

    Anki f’din il-kwistjoni, l-istess għandna naġixxu.  Għandna noffru l-istess faċilitajiet lil kulħadd għax kull wieħed u waħda minna hu ċittadin Malti u l-Istat irid jistma lil kulħadd l-istess.

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0