Taħt il-lenti

  • Ġun 20, 2017 08:30
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Malta

    Dan il-focus ma ġiex mix-xejn.  Ġie minħabba li numru ta’ Maltin, li f’qalbhom hemm biss Malta, bdew jaraw l-affarijiet li għamlu huma f’dawl ġdid – proprjament jħobbu jpinġu kollox mudlam.  Ir-regoli ta’ Malta li jirregolaw is-servizzi finanzjarji ma ġewx maħluqa llum, iżda ilhom għexiren ta’ snin.  Mhux biss kienu mgħarbla minn istituzzjonijiet internazzjonali, iżda ġew taħt lenti speċjali meta Malta daħlet fl-UE.  Instab li kienu konformi dak in-nhar.  Minkejja li Malta f’dan is-settur dejjem kienet konformi mat-tibdil li joħorġu l-istituzzjonijiet tal-UE, mill-bidu ta’ din is-sena, minħabba s-suċċess li ġabu lill-ekonomija Maltija, dawn in-nies patriottissimi bdew iċajpru kollox biex joħolqu dubji dwar is-sistema li tirregola s-sistema finanzjarja tagħna.  Dawn in-nies patriotti, li ħlief isemmu ‘l Malta f’dawl ħażin ma jafux, ma kienux kuntenti b’dan iżda raw kif ixerrduha mal-Ewropa.  

    Hu importanti li l-ġurnali isemmu dawn in-nies biex għada pitgħada jibqgħu jissemmew fl-istorja tal-ħsara li jkunu għamlu lill-Maltin kollha.

    Tajt ħarsa  

    Ftit ilu kont ktibt li aħna stess hemm bżonn li niċċekkjaw l-affarijiet biex dawk l-affarijiet li nitfgħu fuq il-mezzi diġitali jkunu qrib is-sewwa kemm jista’ jkun.  Peress li ssemmew l-evażjoni tat-taxxi fittixt taħt dan is-suġġett u l-pajjiżi li telgħu fuq nett fosthom Malta ma tidhirx.  Kien hemm il-Lussemburgu u l-Irlanda.  Il-Lussemburgu hu pajjiż żgħir bħal Malta u minkejja li qed fil-qalba tal-Ewropa xorta ħass li għandu jibbaża l-ekonomija tiegħu fuq is-servizzi finanzjarji u għalhekk joffri pakkett tajjeb biex kumpaniji li joffru dawn is-servizzi finanzjarji jkunu bbażati hemm.  Bħalissa għaddejja ġlieda fil-miftuħ bejn l-Irlanda u l-Lussemburgu biex jattiraw dawk il-kumpaniji l-kbar finanzjarji li bħalissa jinsabu fir-Renju Unit u minħabba Brexit ser ikollhom jiċċaqilqu.  It-tnejn jakkużaw lil xulxin li qed joffru kundizzjonijiet vantaġġjużi ħafna.  Fil-miftuħ l-affarijiet ma jidhrux li huma daqshekk vantaġġjużi, iżda ħadd ma jaf fis-side letters x’ikun hemm.

    Il-Lussemburgu hu magħruf għal dawn is-side letters u bħalissa għaddejja investigazzjoni fuqu mill-EU biex jinvestigaw il-biljuni ta’ Ewro li kumpaniji internazzjonali ffrankaw f’taxxi.  B’għajnuna ta’ kumpaniji kbar tal-awdituri internazzjonali (għalkemm dawn kull ma jġorru hu biss isem għax ħafna minnhom huma kumpaniji lokali li jużaw l-isem tal-kumpanija taħt is-sistema ta’ franchise) dawn ħolqu sistema li permezz ta’ kumpaniji maħluqa għal dan l-għan jgħaddu l-profitti minn kumpanija għall-oħra u permezz ta’ side letter jiffrankaw biljuni ta’ Ewro.  Jekk trid aktar informazzjoni ara l-artiklu bbażat fuq investigazzjoni ta’ The Guardian u artiklu tal-Financial Times.

    L-Irlanda mhux anqas mil-Lussemburgu u għalhekk issib ħafna uffiċċji Ewropej ta’ kumpaniji kbar ġo l-Irlanda.  L-aħħar żewġ każi li kien hemm, f’wieħed minnhom kienet imdaħħla l-kumpanija Apple li f’ċerti ċirkostanzi kienu jiġu ntaxxati biss nofs ċenteżmu kull mitt ewro qligħ (0.005%).  Fil-fatt l-UE, wara investigazzjoni, sabet li l-Apple iffrankaw madwar 13 biljun ewro u dawn għandhom irrifonduhom lura lill-Irlanda.  Tajjeb li niftakru li l-VAT li ċ-ċittadini jħallsu hi ta’ 20% għalkemm għal ċerti oġġetti hi ta’ 5% u fuq l-ikel ma hemmx VAT .  L-involviment tal-gvern Irlandiż ħareġ waħdu għaliex il-Gvern Irlandiż mal-ewwel qal li ser imur il-Qorti Ewopea għax ma jaqbilx ma’ din id-deċiżjoni.  Ara l-artiklu tan-NY Times.

    It-tieni waħda hi li kienet tinvolvi tlett banek lill-Ulster Bank, lill-AIB u l-Bank of Ireland li ġew immultati madwar 9 miljun ewro mir-regulatur Irlandiż għax ma kinux qed jinfurzaw ir-regoli minħabba nuqqas ta’ skrutinju fuq politikanti.  

    Fuq dan, tajjeb li nsemmu li fl-UE bħalissa għaddejjin taħditiet biex jiżguraw aktar skrutinju fuq politikanti.  Il-Gvern Malti tul din il-Presidenza ħadem biex itella’ dan is-suġġett f’post għoli tal-aġenda.  Nitkellmu ċar, f’Malta llum għandna liġi li l-politikanti jibqgħu eliġibbli ta’ sanzjonijiet legali jekk, tul għomorhom, jinstabu li kienu imdaħħla f’xi korruzzjoni.  

    Libelli u l-Qrati 

    Dan l-aħħar inqatgħu żewġ libelli favur l-Ministru E Bartolo.  Dawn iż-żewġ libelli kienu ilhom mill-2013.  Biex inqatgħu damu 4 snin li jfisser li dan dam 4 snin imċappas b’malafami li vvinta xi ħadd.  Jien ċert li jekk tistaqsi n-nies jekk jiftakrux dawn il-libelli żgur li ma ssibx aktar minn wieħed minn kull elf li jiftakru.  Li jfisser ukoll li t-tebgħa li kienu ħallew dawn il-malafami għadhom hemm.  

    Min-naħa l-oħra il-każ li ressaq dan l-aħħar il-PL quddiem il-Qorti Kostituzzjonali diġa’ inqata’ li jfisser li meta jridu l-qrati tagħna għandhom sew il-mezzi u l-ħila li jaqtgħu s-sentenzi malajr.  Mhux ser nidħol fid-diċiżjoni għax ma rajtix.  Li kien hemm interresanti kienu żewġ affarijiet.  L-ewwel hi li din id-deċiżjoni tagħti ċans lil-mexxej ta’ partit żgħir jieħu tmexxija tal-partit kbir li kien allejat tiegħu – forsi naraw li l-ħuta żgħira tibla l-ħuta l-kbira.  It-tieni kienet il-ħeffa li nqatet.  La l-Qorti Kostituzzjonali kienet kapaċi taqta’ sentenza fi ftit jiem, għaliex il-qrati l-oħra ma jimxux l-istess??  

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0