L-elezzjoni għaddiet, iżda…

  • Ġun 09, 2017 18:00
  • Miktub minn Benny Borg Bonello

    Elezzjoni ġiet u marret.  Iżda nistgħu ngħidu l-istess għall-effett tagħha?  Ma naħsibx.

    Impatt ta’ kampanja negattiva

    Din il-kampanja kienet waħda mill-aktar kampanji negattivi li qatt rajt.  L-aktar li kien hawn firda kienet fis-sittinijiet fejn id-diviżjoni kienet qawwija, ċara u b’ebda mod tolleranti.  Iżda xorta nemmen li ma kinitx daqshekk negattiva.  Ir-raġuni kienet li ma kienx hemm daqshekk attakki personali.  Il-ħruxija fis-sittinijiet kienet aktar fuq l-argumenti.  Il-ħruxija kienet li dawk li kienu jimxu wara l-Partit Laburista, u għalhekk ma kinux jaqgħu ‘taħt l-umbrella’ tal-Knisja, sabu ruħhom f’diffikultajiet spiritwali u anki esklużi mis-soċjeta’ Maltija.

    Din id-darba l-ħama kien ilu jinġema’ biex jitwaddab fl-aħħar.  U hekk ġara.  Il-problema għall-elettorat kienet waħda simili għal dak li kien hemm fis-sittinijiet.  Votant emmen jew iwaddab it-tajn, emmen l-akkużi minkejja li ma kien hemm l-ebda prova.  Jekk kellu fidi f’dak li kien qed jilqa’ t-tajn, allura ma emminx dak li kien qed jintqal jew inkella ta importanza baxxa lejn dawn l-akkużi.  Dan iwassallni għat-tieni punt.

    Falliment ġudizzjarju

    Is-sistema ġudizzjarja, biex tfarfar mir-responsabbiltajiet tagħha u ma tidħolx f’kontroversji politiċi, baqgħet kwieta u ħalliet lill-elettorat imdendel.  Kien hemm libelli li twarrbu u baqgħu fuq l-ixkaffa għaliex il-ġudikant (skont il-ġurnali l-Qorti u mhux il-ġudikant li jiddeċiedi!) dawn ma kienux ta’ urġenza.  Li kieku dan it-tajn li ntefa’ kien dwar lingwaġġ li jmaqdar lil xi ħadd, sa ċertu punt, nifhimha għaliex fis-sistema politika demokratika, il-kritika lejn persuni politiċi hi aċċettabbli.  Iżda meta hemm fin-nofs korruzzjoni, din ma nifhimhiex.  Ir-raġuni hi li akkuża dwar korruzzjoni mhix opinjoni politika, iżda akkuża ta’ kriminalita’.  U għalhekk għandna s-sistema ġudizzjarja biex, b’indipendenza sħiħa, l-ġudikatur jara jekk kienx hemm ksur tal-liġi.  Din id-darba akkużi ta’ korruzzjoni li kien hemm.  Nemmen li xi ħaġa trid issir biex nirranġaw l-affarijiet għall-ġid ta’ sew min qed jgħid is-sewwa, għall-elettorat u għad-demokrazija infisha.  Jekk ma nirranġawx din is-sistema biex taħdem f’ħin qasir dawn l-affarijiet ser ikomplu għaddejjin.  Jekk tibqa’ hekk, l-elettorat ma jkunx jaf jekk lil min ser itella’ l-Parlament hux kriminal jew le filwaqt li kandidat ikollu jiffaċċja elezzjoni b’akkużi mingħajr provi. 

    Impatt internazzjonali

    Illum id-dinja m’għadhiex li kienet.  Dak li jiġri f’pajjiż kulħadd isir jaf bih f’tebqa t’għajn madwar id-dinja.  Fil-politika aktar u aktar għax hemm min juża l-medja internazzjonali biex ikabbar l-effett f’Malta.  Ġrat fl-antik, reġgħet saret u sfortunatament terġa’ ssir.  Jekk trid li xi ħaġa li tkun ivvintajt ikollha impatt lokalment, kull ma għandek tagħmel uża l-kuntatti tiegħek biex tidher fil-medja barranija u wara għid li dak li qed tgħid int anki l-barrannin qed jissuspettawh.  Ma jimpurtax f’liema mezz tidher jew kemm hu kredibbli dan il-mezz, għax peress li aħna l-Maltin ma tantx naqraw ġurnali barranin, l-effett ser ikun kbir.

    Bħal ma ktibt, illum id-dinja saret litteralment villaġġ fil-qasam tal-aħbarijiet u l-effett hu wieħed qawwi.  Jekk inħammġu s-sistemi tagħna, ikunu liema huma, l-effett barra hu qawwi.  Meta xi nies fit-tmeninijiet bdew ixerrdu li Malta tlifna d-demokrazija, il-barranin emmnuha u Malta ma kinitx ikkunsidrata bħala stat demokratiku minkejja li kif elezzjoni tellgħet partit ieħor, il-qalba tal-poter saret malajr mingħajr problemi u mingħajr la rivoluzzjoni jew dimostrazzjonijiet.  Jekk il-ħmieġ li jintefa’ jkun fuq sistemi oħra, bħal per eżempju, is-sistemi finanzjarji li għandna, minkejja kollox l-effett negattiv fuq l-investiment u l-qasam finanzjarju jkun qawwi u fit-tul, jolqot lill-gvern tal-ġurnata, ikun min ikun, u jolqot liċ-ċittadini. 

    Li niskanta hu kif pajjiżi oħra bħall-Lussemburgu u l-Irlanda li għandhom politika aggressiva ħafna biex jiġbdu u jkabbru l-qasam finanzjarju u għandhom sistemi simili bħal tagħna (probabbilment aktar laxki minn tagħna), ma tisma’ ‘l ħadd minn dawn il-pajjiżi jikkritikaw is-sistemi tagħhom.  Ir-raġuni hi waħda, l-impatt ser ikun fuq kulħadd.  F’Malta, jekk l-effett ikun wieħed pożittiv jew negattiv, ser jolqot lil kulħadd sew laburisti u sew nazzjonalisti.  

    Imma l-effett illum kiber għaliex fejn qabel l-akkużi fuq personaġġi politiċi lokali kellhom effett limitat fis-sens li l-effett kien ikun wieħed lokali, illum dan spiċċa.  Illum speċjalment minħabba li aħna fl-UE, il-politiċi tagħna huma wkoll esposti internazzjonalment u l-kredibilita’ tagħhom tirrifletti l-kredibilita’ ta’ Malta.  Biex nieħdu eżempju ta’ dak li ġara, meta l-Euronews kien qed jirrapporta fuq il-kampanja elettorali Maltija tax-xahar li għadda, iddiskriviha bħala waħda tribali.  Għalhekk ma kienx il-partit laburista biss li ġie impinġi hekk, iżda anki l-partit nazzjonalista, il-partiti l-oħra kollha u għalhekk Malta.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0