Presidenza Parlament Ewropew

  • Jan 16, 2017 13:32
  • Miktub minn Alfred Sant

    Dil-ġimgħa fil-Parlament Ewropew, il-gvern Malti jippreżenta l-programm tat-tmexxija tiegħu għall-Presidenza tal-Unjoni Ewropea. 

    Fl-istess jiem se tkun qed issir l-elezzjoni tal-President tal-Parlament Ewropew, kariga li did-darba qed tiġi kontestata bla qbil minn qabel, bejn il-gruppi politiċi fil-Parlament. Dan kellu jfisser x’aktarx li l-kontestazzjoni tittieħed sal-aħħar b’erba’ votazzjonijiet sigrieti wara xulxin sakemm iż-żewġ kandidati li l-aktar ikunu ġabru voti jispiċċaw f’konfront ras imb’ras.

    Barra mill-Parlament Ewropew, l-elezzjoni ftit se tqanqal textix. X’aktarx jispiċċaw il-kandidati tal-Popolari u tas-Soċjalisti jtellqu bejniethom fl-aħħar rawnd. Iċ-ċansijiet huma li meta Malta tressaq il-proposti tagħha għat-tmexxija tal-Unjoni Ewropea, l-Parlament se jkun ftit distratt. Il-membri tiegħu jkunu qed jiżnu l-konsegwenzi tal-voti meħuda, lejn naħa jew oħra.

    Jispiċċa kif jispiċċa r-riżultat, ftit għandu jagħmel differenza għall-operat tal-Presidenza Maltija. L-aqwa sfida politika tagħha fiż-żmien li ġej tibqa’ kif se tirreaġġixxi, flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew Tusk, għat-talba formali tar-Renju Unit f’Marzu li ġej biex joħroġ mill-Unjoni Ewropea.

    ***

    Ġenna fiskali

    Il-grupp tal-Ħodor fil-Parlament Ewropew ħareġ rapport miktub minn akkademiku tal-Università ta’ Nottingham fir-Renju Unit, dwar kif Malta qed isservi effettivament bħala ġenna fiskali (“tax haven”). 

    Hu rapport miktub tajjeb; m’hemmx għalfejn ngħidu mill-perspettiva ta’ dawk li jqisu li s-servizzi finanzjarji provduti minn pajjiżi ċkejkna bħal Malta, mhuma xejn ħlief magna għall-ħasil tal-profitti u flejjes miksuba bi skrokk.

    Jistħoqqlu tweġiba sostanzjata u serja, mill-gvern Malti u mill-professjonisti Maltin attivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.

    Tal-aħħar ma jistgħux jibqgħu ċiċċi beqqi, jistennew li l-gvern waħdu  jagħmel ix-xogħol li jħares u jiddefendi internazzjonalment l-interessi tas-settur “tagħhom”. Dan jinsab quddiem assalt frontali, immexxi mill-aqwa forzi politiċi tal-lemin u tax-xellug fl-Ewropa u barra minnha.

    ***

    Soares

    L-ewwel li rajt mill-qrib lil Mario Soares, kien fil-Palazz tal-ġnien tal-Lussemburgu f’Pariġi. Kienet għaddejja laqgħa tas-Socialist International, immexxija minn Francois Mitterrand. Tal-aħħar kien qed jiddefendi d-deċiżjoni tal-Partit Soċjalista Franċiż, immexxi minnu, li jagħmel koalizzjoni mal-komunisti ħalli x-xellug fl-aħħar jirbaħ il-poter taħt ir-regoli tal-Ħames Repubblika. 

    Kien hemm ukoll il-mexxej tal-Partit Laburista Ingliz Callaghan, qed jispjega r-raġunijiet għaliex il-partit tiegħu ma kellux daqstant fiduċja fl-Unjoni Ewropea ta’ dak iż-żmien.

    U attenda bħala mistieden tal-unur Mario Soares, eżiljat minn pajjiżu fi zmien ir-reġim faxxista ta’ Salazar: kalm, korrett, dinjituż.

    F’dawk il-mumenti ftakart waqt ċerimonja ċkejkna li d-delegazzjoni soċjalista Portugiża żammet fil-kurituri tal-Parlament Ewropew biex tikkommemora lil Soares. Miet fil-bidu tas-sena. Mill-ewwel darba li rajtu, waqgħet id-dittatura faxxista u Soares ta kontribut enormi biex il-Portugall jirritorna għad-demokrazija. Għalhekk mhux se jintesa.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0