Immigrazzjoni lejn l-Ewropa

  • Jan 12, 2017 09:00
  • Miktub minn Dr Alfred Sant

    Qed isir tajjeb li ma titpoġġiex aspettativa kbira dwar li fil-qasam tal-immigrazzjoni, b’Malta fil-presidenza tal-Unjoni Ewropea, jista’ jkun hemm xi titjib qawwi fil-politika Ewropea għall-immigrazzjoni. Niddubita kemm presidenza ta’ pajjiż kbir jew żgħir f’temp ta’ sitt xhur, tista’ tibdel b’mod notevoli l-attitudni tad-diversi pajjiżi. It-tensjonijiet politiċi huma qawwija wisq.

    Kif kien mistenni, sakemm jibqa’ jitwettaq il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u t-Turkija, il-mewġa ta’ immigrazzjoni lejn il-Greċja u l-Balkani battiet bil-qawwi. Minflok, żdiedet il-pressjoni migratorja mill-Afrika permezz tar-rotta perikoluża minn nofs il-Mediterran. 

    Il-pajjiżi involuti direttament, u dawk li mhumiex, jinsabu attenti biex ma jċedu xejn li jista’ jgħabbihom b’piżijiet soċjali u ekonomiċi ġodda minħabba l-immigrazzjoni. Żewġ kwistjonijiet ewlenin għadhom miftuħa beraħ: kif se tinħoloq politika Ewropea waħda dwar l-immigrazzjoni li tqassam b’ġustizzja l-benefiċċji u l-piżijiet? – kif se jitħarsu l-fruntieri tal-Unjoni mill-immigrazzjoni mhux mixtieqa, mingħajr ma jitwarrbu l-valuri li l-Ewropa tistqarr?

    ***

    Afforestazzjoni

    L-ilmenti ma jaqtgħux dwar it-twaqqiegħ ta’ binjiet qodma “storiċi”, u dwar il-bini ta’ blokok ġodda fuq art “verġni” jew minflok binjiet qodma.

    Fl-istess ħin, kważi ma nisimgħu xejn dwar proġetti li nimmaġina għadhom jitfasslu u jitħaddmu, biex jitħawlu aktar siġar ma’ Malta u Għawdex. Sa fejn naf jien, hemm qbil ġenerali li ħaġa bħal din tagħmel sens u hi tajba minnha nnifisha. 

     Veru li daħal apprezzament aħjar matul is-snin, għal dak li fl-imgħoddi konna nqisu bħala art mitluqa u żdingata. Illum, artijiet tal-garrigue qed jingħataw għarfien u valur.

    Igħidu li f’imgħoddi mbiegħed, il-gżejjer Maltin kienu miżgħuda b’siġar taż-żebbuġ. Jekk dan minnu, dawn il-gzejjer mhux bilfors għandhom jitqiesu bħala post aridu; anzi kienu joffru kenn, dell u ħdura. Bl-afforestazzjoni l-istess ħaġa tista’ tiġri mill-ġdid fl-imkejjen li għadhom mhux mibnija.

    ***

    Indħil barrani

    Interessanti għal ħafna raġunijiet il-kontroversja fl-Istati Uniti dwar jekk ir-Russja pprovatx tindaħal fil-politika Amerikana billi tinfluwenza r-riżultat tal-elezzjoni Presidenzjali favur Donald Trump. 

     Ġrat jew ma ġratx dil-ħaġa? Fuq hekk l-aktar li qam id-diskors; kif ukoll fuq l-akkuża li saret lid-Demokratiċi, li qed juru kif ma jistgħux iġerrgħu t-telfa elettorali li qalgħu.

    Biss, x’aktarx li l-aktar punt interessanti hu dan: minkejja l-kontroversji, in-naħat kollha jaqblu li kieku/jekk ġara, l-intervent Russu ma jkunx aċċettabbli. 

     Dan fakkarni fil-kontroversji f’Malta, speċjalment fis-snin sebgħin/tmenin tas-seklu l-ieħor, dwar l-indħil barrani fil-politika tal-pajjiż. Hu aċċettabbli li fid-deher jew bil-moħbi, potenzi jew interessi barranin jintervjenu biex jaffettwaw deċiżjonijiet politiċi interni?

    Minn superpotenza – kif konna ngħidulha – bħall-Istati Uniti, it-tweġiba ħarġet ċara: le.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook