Elezzjonijiet Amerikani

  • Nov 07, 2016 10:00
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ikun xi jkun ir-riżultat tal-elezzjonijiet presidenzjali Amerikani, din kienet l-aktar kampanja elettorali perikoluża fl-Istati Uniti għal ġenerazzjonijiet. Esponiet u ħarrxet il-firda soċjali u politika li ġabet magħha l-globalizzazzjoni, saħansitra fil-qalba tal-aqwa mutur tagħha: L-Istati Uniti.

    Quddiem din il-firda, ġew artikolati żewġ toroq: Ta’ Trump: biha l-effetti tal-globalizzazzjoni jintlaqgħu b’ħidma mħarbta fl-espressjoni tagħha, imma b’direzzjoni faxxista; u ta’ Clinton, ħafna aktar ċivili u trasparenti, f’sostenn ta’ neo liberaliżmu globali fuq sfond ta’ konfront geo-strateġiku li jista’ jikkarga.

    Ma ħareġ l-ebda prospett, minn naħa jew oħra, li se tiġi mfittxija, anqas tinstab, tweġiba għal mistoqsijiet bħal: 

    - Il-globalizzazzjoni kif se titmexxa bi qbil politiku, u mhux titħalla tinġema’ fil-mekkanika ta’ kummerċ ħieles? 

    - Kif għandha titmexxa b’mod uman u ċivili, l-migrazzjoni bejn il-popli ta’ ilsna u etniċitàjiet differenti? 

    - Kif jista’ jinħoloq ordni ekonomiku u soċjali li tassew ikun ġust, trasparenti u stabbli?

    ****

    Dawk li mietu

    Intqal li ż-żjarat fiċ-ċimiterji għall-jiem ta’ madwar l-1 ta’ Novembru qed jonqsu. Tradizzjonalment, il-Maltin u l-Għawdxin kienu mdorrija li f’dawn il-ġranet jiftakru fil-mejtin tagħhom billi jżuru l-qabar tagħhom. Bħala tifel, niftakar lil missieri jeħodna lejn iċ-ċimiterju, ġieli bil-mixi sal-Addolorata minn B’Kara.

    Ma nafx kemm hu minnu li did-drawwa qed tmajna. 

    Fl-istess żmien, drawwa aktar ġdida donnha nfirxet bil-kbir fostna; mhijiex Maltija. Halloween qed timmobilizza bil-qawwi tfal u adulti. Il-magna kummerċjali li tippromwovi l-“festa” titqawwa minn sena għal sena. 

    Forsi għalhekk li kelliema tal-Knisja Kattolika jidhru irritati sew biha.

    ****

    ''Western''

    F’wieħed mill-binjiet rinovati tal-belt Valletta nhar il-Ġimgħa, il-pubblikaturi SKS nedew ġabra ta’ rakkonti li ktibt taħt it-titlu ta’ ''Western''. Kienet okkażjoni pjaċevoli, mhux biss għax erġajt iltqajt ma’ ħafna ħbieb li kont ili xi żmien ma nara. Ukoll għax Sean Buhagiar u martu Marilou Vella qraw b’mod eċċellenti siltiet mir-rakkonti. Albert Marshall għamel preżentazzjoni friska, mingħajr prosopoppea, tas-siltiet.

    Kitba li tidher f’publikazzjoni mdaqqsa tieħu xhur, anzi snin, biex titħejja. Il-kitba ta’ rakkonti ta’ spiss tirriżulta aktar diffiċli minn dik ta’ proża oħra, kreattiva jew le. Dan għax kull storja għandha l-ħajja tagħha, jew għandu jkollha. 

    Ħaġa faċli li l-istil ta’ kitba, jew ix-xejra ta’ ħsieb, li ssib f’waħda tinflwuenza dik li tista’ titħaddem f’oħra. Aktar milli tinfluwenza: Tista’ tikkontaminaha. 

    Personalment, nipprova nżomm dan milli jiġri. Mhix ħaġa faċli. F’''Western'' ir-rakkont, nitkellmu dwar il-ħajja ta’ Malti emigrant fil-Wyoming tat-tieni nofs tas-snin sittin fis-seklu 19. Ir-rakkonti l-oħra ma setgħux jiġu affettwati mill-istess perspettiva.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0