INVESTIMENTI

  • Ott 17, 2016 08:30
  • Miktub minn

    Fl-aħħar ġimgħat, kont involut f’ħidma biex inlestu rapport għall-plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu dwar ir-rakkomandazzjonijiet li tagħmel il-Kummissjoni lill-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea dwar it-tmexxija tal-ekonomiji tagħhom. Iddeċidejt li jkun jaqbel li nikkonċentraw fuq l-investimenti, minflok noqogħdu nqisu l-fatturi ekonomiċi kollha.

    Kien eżerċizzju siewi. Tgħallimt aħjar kif l-għatx għall-investiment fl-Ewropa forsi hu l-qofol tal-isfida ekonomika quddiem dal-kontinent. In-nixfa fl-investimenti taħti bil-kbir għall-istaġnar fl-ekonomiji tal-aħħar snin.

    Kif se negħlbuha?

    ***

    AIR MALTA

    Ma setax jonqos li n-negozjati dwar soluzzjoni “finali” għad-diffikultajiet tal-Air Malta se jitwalu. Iżżejjed forsi? Ikun dwejjaq jekk ikollhom jinqatgħu fiż-żmien li Malta se jkollha l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, anke jekk uħud jaħsbu li dan jista’ jgħin biex inġibu ftehim aħjar mal-istanzi Ewropej dwar l-arranġament aħħari.

    Wieħed jifhimha li d-dewmien ikompli jtertaq lill-impjegati tal-kumpanija bl-ansjetà. Min-naħa l-oħra, il-gvern qed jagħmel tajjeb li jieħu kemm hemm bżonn żmien (sakemm tħallieh il-Kummissjoni Ewropea) biex jiżgura li dak li jiġi deċiż ikun l-aħjar fiċ-ċirkostanzi. Il-problema żgur hi li minn kull fejn tmiss, se joħroġ id-demm.

    L-isfida (jekk dik għadha kelma tajba) tal-Air Malta hi li qed iġġorr il-piżijiet ta’ governenza ħażina fi snin imbegħda, u warajhom ta’ governanza mxekkla, meta dak li messu sar, ma sarx.

    Illum l-Air Malta tinsab maqbuda fil-manglu ta’ deċiżjonijiet iebsa li l-ebda waħda minnhom ma tista’ tassigura mija (jew sittin?) fil-mija s-salvazzjoni tal-kumpanija.

    ***

    SCHULZ

    X’se jagħmel il-President tal-Parlament Ewropew Martin Schulz?

    Fl-aħħar tas-sena jagħlaq il-mandat tiegħu u skont l-arranġamenti li jintqal li saru, l-kariga trid tgħaddi għand xi ħadd ieħor, x’aktarx membru tal-grupp politiku tal-Popolari. Is-soċjalisti u oħrajn mhumiex jaqblu; Schulz għandu jkompli fil-kariga tiegħu tal-lum, qed jgħidu, anki biex ikun hemm bilanċ politiku fil-karigi, la l-Presidenti tal-Kummissjoni u tal-Kunsill Ewropej huma mil-lemin. Imma, igħidu oħrajn, qed tinsew li l-Viċi President tal-Kummissjoni inkarigata mill-affarijiet barranin, u l-President tal-ministri li jieħdu ħsieb it-tmexxija taż-żona ewro, l-Eurogroup, huma mix-xellug.

    Lil hinn mill-argumenti dwar bilanċ politiku, jista’ jkun li hemm wisq deputati tal-lemin li ma jaħmlux lil Schulz u jriduh jitlaq.       

    Qed tissemma triq oħra għalih: dik li jintgħażel bħala l-kandidat tas-soċjalisti Ġermaniżi għal kanċellier fl-elezzjonijiet federali tas-sena d-dieħla. Numru ta’ mexxejja fl-SPD huma kontra li l-President attwali tal-partit tagħhom Sigmar Gabriel ikun dal-kandidat. Allura minfloku, bdew isemmu lil Schulz.

    Jekk iż-żewġ alternattivi ma jaslu mkien, x’se jagħmel Schulz? Taħseb x’taħseb dwaru, mhux ta’ min jitlef is-sens ta’ inizjattiva tiegħu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0