TRAFFIKU

  • Ott 13, 2016 08:52
  • Miktub minn

    Il-kontroversja għaddejja dwar it-traffiku qamet, m’hemmx għalfejn ngħidu, għax mat-tmiem tas-sajf, it-toroq qed jintużaw b’intensità akbar f’ħinijiet konċentrati tal-ġurnata: l-aktar meta skejjel, uffiċċji u fabriki jkunu qed jiftħu u jagħlqu.

    Żewġ problemi jaħtu għall-konġestjoni li dejjem tikber: in-nuqqas ta’ fiduċja miċ-ċittadini fit-trasport publiku; iż-żieda ma taqta’ xejn f’karozzi privati, li minnhom għandna kwazi d-doppju tal-popolazzjoni. Diffiċli tgħid liema problema tirriżulta mill-oħra, jew jekk hux it-tnejn qed isuqu (?) lil xulxin.

    Żgur hu li t-trasport publiku baqa’ mhux fdat. X’aktarx li kien żball li minflok ipprovajna nimmodernizzaw il-mudell li kellna tiegħu qabel, jiġifieri b’sidien privati żgħar jipprovdu flimkien is-servizz, morna għal mudell ta’ kumpanija waħda li tmexxi. Niftakar l-argumenti dwar hekk fil-gvern Laburista ta’ tmiem is-snin sebgħin, bil-Prim Ministru jargumenta li kellna servizz privat, li qed iservi bżonnijiet publiċi b’mod koperattiv: il-għan, kien jgħid,  kellu jkun li s-servizz jiġi modernizzat biex isir aktar effiċjenti u flessibbli. Naħseb li kellu raġun.

    Sadattant, jidhruli fl-ajru, proposti oħra biex noħolqu trammijiet u mini u ma nafx xhiex aktar.

    ***

    SAĦĦA MENTALI

    Tqajmet dil-ġimgħa l-kwistjoni tas-saħħa mentali f’pajjiżna u kif il-miżuri biex inpoġġuha f’qafas ta’ politika attiva baqgħu nieqsa.

    Hi kritika valida.

    Tlieta kienu l-oqsma soċjali ewlenin fl-aħħar ħamsin sena jew kemm,fejn il-politika tagħna bħala soċjeta, kienet lura sew: il-ħarsien tal-persuni b’diżabbiltà, jew bi bżonnijiet speċjali kif għadni nipprefer insejħilhom; il-ħarsien tas-saħħa sesswali; u l-qasam tas-saħħa mentali.

    Fl-ewwel tnejn, saru avvanzi kbar, li ma jfissirx li ma baqax xi jsir. F’tat-tielet, għadna lura sew.

    Hemm bżonn urġenti li dal-qasam jingħata priorità.

    ***

    TTIP

     

    It-TTIP – il-ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti dwar aktar kummerċ ħieles u aktar qrubija fil-mod kif jitmexxew is-swieq u l-investimenti taż-żewġ naħat – mhux se jitlesta sal-aħħar tas-sena, kif kellu jkun. Hekk xtaq il-President Obama. U anki l-Kummissjoni Ewropea.

    Tnediet propaganda qawwija biex dil-ħaġa sseħħ. Anki nies ta’ rieda tajba bħall-President Obama nnifsu, sfaw mirbuħa mill-hekk imsejħa gwadanji ta’ globalizzazzjoni li dejjem tinfirex.

    Kien żball li l-argumenti kontra tħallew f’idejn in-nazzjonalisti u l-populisti estremi. Argumenti tajba kontra setgħu tressqu minn soċjalisti u konservattivi demokratiċi… kif fl-aħħar beda jsir. Mhux argumenti kontra aktar kuntatti ta’ individwi u kummerċ bejn il-ġnus. Imma argumenti kontra li dawn il-kuntatti jitwettqu skont il-liġijiet neo-liberali tal-ġungla.

    Il-mudell għal ftehimiet bħal dawn irid jinbidel. Ma jistax jibqa’ maħsub biex taħt ideali u kliem mill-isbaħ, effettivament jibqa’ jtejjeb il-qagħda tal-impriżi kapitalisti l-kbar, li jibqgħu jikbru u jifirxu.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0