IMGĦAXIJIET BAXXI

  • Ott 10, 2016 09:10
  • Miktub minn

    Ix-xenarju ilu hekk u donnu mhux se jinbidel malajr: misjuqa mill-programm ta’ “quantitative easing” tal-Bank Ċentrali Ewropew, li bih dal-Bank qed jixtri kull xahar biljuni ta’ ċedoli ta’ self tal-gvernijiet, l-imgħaxijiet fuq flus mislufa huma baxxi ħafna ħafna. Dan messu qed iħeġġeġ lill-impriżi u lill-individwi biex jissellfu l-flus ħalli jinvestu fi proġetti. Imma kemm fl-Istati Uniti u kemm fl-Ewropa, ir-rata ta’ investimenti baqgħet l-aktar baxxa storikament minn żmien twil ilu.

    Sadattant, ħafna banek qed jinqarsu mit-tnaqqis fid-dħul tagħhom ta’ self, la l-imgħax fuqu naqas. Uħud, fosthom il-kbar, qed jaffaċċjaw dwejjaq finanzjarji ġodda. Barra minn hekk, il-banek Ewropej qed jilmentaw li bir-regoli ġodda li jinsabu deħlin qed ikollhom iġorru piżijiet doppji. Ir-regoli jimponulhom jaħżnu aktar riżervi ta’ kapital fil-kontijiet tagħhom, ħalli jkollhom biex jilqgħu għall-maltemp.

    Il-Bank Ċentrali Ewropew isostni li taħti għall-imgħaxijiet baxxi u n-nuqqas ta’ investimenti l-klima ekonomika li baqgħet inċerta. Mingħajr il-ħidma tiegħu, il-qagħda kienet tkun agħar.

    Wieħed jibqa’ bl-impressjoni li f’dal-qasam, ninsabu bla pjan effettiv.

    ***

    IT-TWEGĦIR TA’ ĦADDIEĦOR

    Konvint li t-turiżmu jinsab qawwi bħala ħidma ekonomika fostna għax Malta qed tiġbed turisti lejha bl-attrazzjonijiet tagħha.  

    Xorta waħda, element fil-milja ta’ żjarat li qed nirċievu ġej mit-twegħir ta’ ħaddieħor. It-Turkija, l-Eġittu, it-Tuniżija fost oħrajn qed jaffaċċjaw problemi ta’ sigurtà li jbiegħdu minnhom lit-turisti. Ma nistgħux ninnegaw li qed nieħdu vantaġġ minn dil-ħaġa.

    Għalhekk tajjeb li jkollna studju “biered” u professjonali dwar kemm hu kbir dal-vantaġġ. Anke jekk hu ċkejken, tajjeb li nkunu nafu kemm jaħbat.

    B’hekk, inkunu nistgħu nippjanaw il-passi li jmiss biex insostnu lit-turiżmu tagħna. Qatt ma jaqblilna nieħduh “for granted” – lilu u lil setturi li jinzertaw sejrin tajjeb.

    ***

    SOĊJALISTI SPANJOLI

    Ma narax kif il-kriżi li għaddej minnha bħalissa l-Partit Soċjalista Spanjol tista’ tittaffa f’qasir żmien.

    Hemm talanqas erba’ dilemmi fondamentali quddiem is-soċjalisti Spanjoli: il-fatt li għadhom ittimbrati b’xi mod mar-riċessjoni kbira li għaddiet Spanja minnha fl-aħħar żminijiet tat-tmexxija tagħhom u wara; ir-rifjut qawwi li jeżisti fost l-aqwa segwaċi tagħhom li jissieħbu fi gvern jew jagħtu l-appoġġ lill-Popolari mmexxija mill-Prim Ministru Rajoy, li mhux bla raġun huma mitqiesa bħala partit korrott; l-isfida kbira għat-tmexxija tax-xellug li qed joffru l-“populisti” ta’ Podemos, li faqqsu mill-protesti fit-toroq kontra l-awsterità ta’ Rajoy; u n-nuqqas ta’ qbil bejn il-barunijiet tal-Partit Soċjalista, in parti għal raġunijiet ta’ ambizzjoni personali.

    Dwejjaq tara lil dal-partit, li kien fil-quddiem tat-tiġdid soċjalista tan-nofsinhar tal-Ewropa wara d-deċennji ta’ frankiżmu fi Spanja, mifni b’dal-mod.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook