INVESTIMENT INDUSTRIJALI

  • Set 26, 2016 09:30
  • Miktub minn Alfred Sant

    Kienet aħbar tajba ħafna dik li l-kumpanija Amerikana Crane, li tistampa l-karti tal-flus u prodotti simili, se twaqqaf fabbrika f’Malta. Ilna ma nisimgħu li fostna se titlaq azjenda ta’ tip industrijali bl-impjieg sostanzjali ta’ nies. Kemm ilna membri tal-Unjoni Ewropea, il-qasam industrijali ċkien kważi bin-nofs b’mod relattiv u sostanzjalment anki f’kejl reali.

    Skont ir-rapporti, l-investituri faħħru bħala fattur determinanti fid-deċiżjoni tagħhom, il-mod kif min-naħa tal-amministrazzjoni Maltija waqt in-negozjati magħhom, l-intoppi li setgħu nqalgħu ġew iffaċċjati malajr u b’effiċjenza.

    Issa madankollu, l-isfida se ssir dik li l-wegħdi li saru jitwettqu malajr u b’effiċjenza. Problema fi proġetti hekk tqum f’dik li bl-Ingliż tissejjaħ “delivery”, jiġifieri waqt li javvanzaw it-tħejjijiet tal-proġett, dak li għandu jsir biex il-biċċa tista’ titlaq, tassew isir.

    Mill-esperjenza tiegħi, fil-kuntest Malti, biex dan jiġri se jkun hemm bżonn impenn minn “fuq nett” li kulħadd jaf bih, biex l-affarijiet tassew jitwettqu. Jekk le, jispiċċaw staġnati fil-burokrazija jew l-apatija.

    ****

    BANK

    Qed jitwaqqaf bank “tal-iżvilupp”, maħsub biex isellef u jinvesti fi proġetti ġodda li l-banek kummerċjali jew ma jixtequx jappoġġjaw, jew mhumiex attrezzati biex jagħmlu hekk.

    Hu każ ieħor fejn l-istorja qed tirrepeti ruħha.

    Fis-snin sebgħin kien twaqqaf bank għall-investiment, appuntu msemmi Investment Finance Bank (IFB), bl-isħubija tal-Bank of Valletta u dak iż-żmien, il-Mid-Med Bank. L-IFB kien jiġi kkritikat li ta’ spiss, iħaddem il-metodoloġija tal-banek kummerċjali meta jikkonsidra proġetti. Imma kien għamel xogħol tajjeb.

    Wara l-1987, ittieħdet id-deċiżjoni li l-bank ixolji. L-assi tiegħu nqasmu bejn iż-żewġ banek propjetarji. Intqal li t-tnejn setgħu jagħmlu separatament f’qafas kompettiiv dak li l-IFB twaqqaf biex jagħmel.

    Jidher li mhux hekk ġara, la erġajna lura għall-mudell tal-bidu.

    ****

    PARIRI

    Il-Gvern Laburista hu tassew ixxurtjat li fil-pajjiż għandna Arċisqof li ma jiddejjaqx jagħtih pariri tajba dwar governanza, verità u ħarsien ambjentali. B’hekk ikun jaf aħjar kif jiggwida l-politika tiegħu.

    Ara ta’ qablu, l-amministrazzjonijiet Nazzjonalisti ta’ Dottor Fenech Adami u ta’ Dottor Gonzi ma kellhomx dan il-vantaġġ. Fi żmienhom, il-Knisja ma kinitx tħoss li għandna tesponi n-nuqqas ta’ meritokrazija, il-kontroll medjatiku fuq l-aħbarijiet, il-korruzzjoni u t-tgħawwiġ tal-verità.

    Baqgħu għaddejja bla wisq problemi għal snin sħaħ proġetti fazulli u skandli qisu xejn mhu xejn. Wieħed jiftakar f’Chambrai, Smart City, il-Mistra, l-isptar Mater Dei, il-vapuri tal-Gozo Channel fost oħrajn.

    Naturalment, il-pariri tal-Arċisqof ikunu aktar qawwija kieku l-istess Knisja ssegwi l-linja tagħhom fl-aġir tagħha. F’ġieħ il-governanza u l-verità, m’għandhiex id-dmir per eżempju li tirrikompensa lill-vittmi tagħha ta’ abbużi sesswali?

      

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0