VILTÀ

  • Set 15, 2016 07:51
  • Miktub minn

    M’hemmx mod aħjar kif tiddeskrivi d-deċiżjoni tal-Partit Nazzjonalista biex id-deputati Ewropej tiegħu jivvotaw kontra n-nomina ta’ Leo Brincat bħala membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri: viltà kbira.

    Il-kap tad-deputati Nazzjonalisti fil-Parlament Ewropew, alla jbierek, ħa sehem fl-organizzazzjoni ta’ laqgħat ma’ deputati tal-Partit tal-Popolari Ewropej għal Leo. Irid jew ma jridx, bilfors wieħed ikollu jikkonkludi li mhux sefsif fil-widnejn biss kien għaddej.

    Sa issa, fil-Parlament Ewropew dejjem inżamm l-arranġament, kif għandu jkun, li f’nomini li jinvolvu persuna Maltija, insostnulha l-appoġġ. Delegazzjonijiet oħra jagħmlu l-istess; juru għaqda nazzjonali. Fiċ-ċokon tagħna, firda bħal din turina fl-agħar dawl.

    Il-verità hi li l-PN fl-Oppożizzjoni jonqsulu “issues” qawwija, ħlief waħda, tal-karti tal-Panama. Jużaha kemm irid f’Malta. Li jimbuttaha kif għamel f’forum Ewropew mhu xejn ħlief opportuniżmu politiku tal-aqwa kwalità. Imur kontra l-interess nazzjonali. Jistieden ir-reazzjoni ta’ għajn għal għajn u sinna għal sinna.

    ***

    IPOKRESIJA

    Imbagħad kellna d-deċiżjoni tal-Partit tal-Popolari fil-Parlament Ewropew (il-PPE) biex jivvota kontra n-nomina ta’ Leo Brincat. Ukoll issemma l-iskandlu tal-karti tal-Panama bi skuża. Diffiċli ssib xempju ta’ ipokresija aktar lampanti.

    Fl-aħħar elezzjoni għall-Parlament Ewropew, il-kandidat tal-PPE għall-presidenza tal-Kummissjoni Ewropea kien Jean Claude Juncker, eks-Prim Ministru u eks-Ministru tal-Finanzi tal-Lussemburgu. Issa jmexxi l-Kummissjoni Ewropea imma għadu parti mill-“familja” politika tal-PPE.

    Kien fi żmien Juncker bħala ministru tal-finanzi ta’ pajjiżu li saru l-arranġamenti skabrużi biex il-kumpaniji l-kbar jevitaw it-taxxi, illum magħrufa mill-iskandlu tal-Luxleaks. Issa hi ħaġa stramba għall-aħħar li bl-ebda mod il-PPE ma wera li kellu xi problema dwar hekk jew li skandalizza ruħu. Iġġieled bil-kbir kontra kwalunkwe mozzjoni fil-Parlament Ewropew li tissanzjona lil Juncker.

    Ma hemm l-ebda paragun bejn il-fatti dwar Leo Brincat, li personalment  ma kellu xejn x’jaqsam mal-karti tal-Panama,  u l-fatti gravissimi dwar Juncker.

    ***

    KOERENZA

    L-iskuża tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista biex jivvotaw kontra n-nomina ta’ Brincat kienet li dan ivvota favur mozzjoni fil-Parlament Malti li ttrattat il-kwistjoni tal-karti tal-Panama.

    Kienet mozzjoni ta’ fiduċja, regolata bil-proċedura tat-three line whip.

    Fis-sistema parlamentari tagħna inserrata bejn żewġ partiti, it-tnejn għandhom esperjenza qarsa ta’ x’jiġri meta three line whip tinkiser f’mozzjoni ta’ fiduċja.

    Biex ikun koerenti mal-iskuża li ġab, il-Kap tal-Oppożizzjoni issa jrid jirrikonoxxi li l-membri tal-partit tiegħu li vvotaw kontra l-gvern ta’ Dottor Gonzi kienu qed jeżerċitaw id-diskrezjoni tagħhom dwar it-tajjeb u l-ħażin. Anke jekk bl-aġir tagħhom fixklu u fl-aħħar waqqgħu lil dak il-gvern, għandu jilqagħhom lura fil-PN b’dirgħajh miftuħa. Għandu jirrikonoxxilhom id-dritt li jekk tiġihom l-opportunità u s-sejħa fil-futur, jirrepetu dak li għamlu fl-imgħoddi.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0