FIL-QORTI TAL-AWDITURI

  • Set 08, 2016 09:00
  • Miktub minn

    Is-smigħ ta’ Leo Brincat quddiem il-kumitat tal-kontroll budġetarju tal-Parlament Ewropew kellu interess li jmur lil hinn mit-teatralità tal-okkażjoni nnifisiha, u mill-polemika dwar Panama u x’naf jien li ġiet inserrata magħha.

    Naħseb li ħafna deputati saru jistennew li nomina għall-qorti tal-awdituri tkun ta’ bniedem mija fil-mija tekniku. Imma mhux dejjem hu possibbli li nomina ssir b’dal-mod f’numru ta’ pajjiżi. Bħal ma għamel il-PN u llum il-PL fil-gvern, in-nomina saret ta’ persuni professjonalment tajba ħafna imma li għamlu karriera fil-politika.

    Osservajt kif ġabu ruħhom id-deputati tal-kumitat tal-kontroll, fl-intervisti li għamlu ma’ Leo u maż-żewġ kandidati l-oħra, minn Ċipru u mill-Portugall, li kienu t-tnejn tekniċi, bla profil politiku.

    Ma ngħidx li d-deputati ħadu lil tal-aħħar bi ħlewwa. Imma żgur ma kienx hemm is-sentiment ta’ stħarriġ akut, kważi qares, bħal ma deher waqt l-intervista ta’ Brincat kif ukoll f’laqgħat oħra bħal tiegħu, ma’ kandidati għal xi ħatra u li jkunu ġejja mid-dinja politika.

    ***

    LOGĦOB TAN-NAR

    Fi tmiem l-istaġun tal-festi tas-sajf, li reġa’ kien wieħed sabiħ, il-kelma kienet ukoll kif il-logħob tan-nar għadu jimmobilizza lid-dilettanti biex jaħdmuh u lill-ispettaturi biex jersqu jgawduh.

    Inħoss ċerta ambigwità lejn dan id-delizzju. Matul is-snin, rajt mill-qrib numru ta’ disgrazzji fi kmamar tan-nar li kienu kkawżati minn aċċidenti, traskuraġni, entużjażmu żejjed.

    Kont f’sitwazzjonijiet fejn bl-istorbju tan-nar idamdam kullimkien, morda li ftit wara spiċċaw moribondi, ġew skomodati bil-kbir.

    Rajt numru ta’ żgħażagħ b’impenn ammirevoli jiġbru l-flus ħalli jkunu jistgħu jiffinanzjaw it-tħejjija tal-logħob tan-nar.

    Dawn l-aspetti u oħrajn huma kollha parti mit-tradizzjoni tagħna. Ma nistgħux niċħduhom. U l-verità hi li wirja ta’ logħob tan-nar imtellgħa tajjeb, toffri spettaklu mill-isbaħ.

    ***

    IL-VITORJA

    It-8 ta’ Settembru bħala jum ta’ festa li jikkommemora r-rebħiet “glorjużi” tal-imgħoddi ta’ Malta donnu tilef ħafna mir-rankatura. Kien hemm żmien meta ġie propost  bħala l-jum nazzjonali biex noħorġu mill-qagħda – li ħafna ma jistgħux għaliha – li bħala pajjiż għandna ħames ġranet nazzjonali.

    Din tal-aħħar, jien ma tantx naraha problema. Li hu problema madankollu hu li l-Vitorja tilfet mill-popolarità li darba kellha bħala festa li sservi ta’ pern għall-identità nazzjonali. F’das-sens, m’għadhiex timmobilizza lin-nies.

    Għandna ninkwietaw dwar żvilupp bħal dan, li donnu jħallina mingħajr pilastru li miegħu nsostnu l-identità tagħna?

    Għall-bidu dil-problema tista’ tidher inkwetanti. Dnub li nitilfu rabta essenzjali oħra mal-imgħoddi.

    Sakem tinduna li t-tifkira tal-Vitorja għadha ħajja u tinsab fost oħrajn, fil-kappelli u t-toroq u ħwienet li għadhom jissejħu għaliha tista’ tgħid f’kull rokna ta’ pajjiżna.

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0