WARA S-SAJF

  • Aww 29, 2016 07:20
  • Miktub minn Alfred Sant

    Wara l-waqfa tas-sajf, l-aġenda tal-Unjoni Ewropea se tkun mimlija. Għal ħafna, il-kwistjoni tal-Brexit tibqa’ fuq quddiem nett. Imma dwar materji oħra, id-deċiżjonijiet qed isiru urġenti.

    L-aħħar żviluppi fil-gwerra ċivili tas-Sirja u l-problemi interni fit-Turkija li donnhom qed isiru aktar komplikati, se jħarrxu d-dilemmi li l-immigrazzjoni kkważat fl-Unjoni Ewropea tul l-aħħar sentejn. Għad ma nstabitx politika soda, jew talanqas metodu, kif din se tiġi ffaċċjata fiż-żmien li ġej. Kulħadd anke jekk ma jgħidx hekk, qed jara kif jista’ jimmunta l-ilqugħ, ukoll minħabba l-biża’ li l-ftehim mat-Turkija mhux se jżomm.

    Dwar it-terroriżmu, jintqal li sar xi progress imma fil-verità l-Ewropa għadha vulnerabbli ħafna għal aktar attakki.

    Sadattant baqgħu jperpru l-mistoqisjijiet dwar il-futur taż-żona ewro, il-ħtieġa li l-ekonomiji jirrankaw aktar għall-ħolqien ta’ aktar impjiegi, il-kwistjoni tal-Ukrajna u l-ftehim dwar kummerċ u investiment mal-Istati Uniti.

    Komplikazzjoni oħra ġejja mis-sitwazzjoni politika prekarja ta’ numru ta’ gvernijiet fl-istati membri, waqt li għadu ma battiex id-dwejjaq li beda jinħass fil-bidu tas-sajf, bil-mod kif il-Kummissjoni Ewropea mhijiex qed tkun effettiva daqskemm mixtieq.

    ***

    Regulatorji

    Mal-milja tas-snin, l-amministrazzjoni pubblika tgħabbiet b’korporazzjonijiet, aġenziji, kumpaniji, kummissjonijiet u korpi oħra, uħud b’poteri eżekuttivi, oħrajn regulatorji, terġa’ oħrajn bil-kompitu li jissorveljaw xi jkun għaddej mill-perspettiva tal-interess publiku jew taċ-ċittadin individwali. F’hekk segwejna l-linja tal-pajjiżi tal-Punent, in parti biex inaqqsu kemm jistgħu l-interventi tal-gvern fl-ekonomija, in parti biex il-ħidma publika ssir aktar trasparenti taħt kondizzjonijiet ta’ kontabbilità aktar stretta.

    Huma bidliet li jżidu l-ispiża tat-tmexxija tal-pajjiż. Dan ikun aċċettabbli jekk iwassal għal titjib konkret fl-istess tmexxija.

    Onestament, niddubita kemm qed jiġri hekk f’Malta. Ħafna mill-aġenziji regolatorji pereżempju jew dejjem issibhom jaqgħu lura fuq id-deċiżjonijiet li suppost qed jissorveljaw. Jew issib li r-riżorsi li għandhom biex imexxu d-dmirijiet tagħhom huma inadekwati għall-aħħar.

    ***

    Valuri reliġjużi

    Kien argument li ntuża ftit ilu dwar waħda minn dawn il-kontroversji dejjem għaddejja dwar kontraċezzjoni, abort, ewtanasja u l-bqija.

    Qabel int u jien nistgħu niddiskutu x’għandu jsir, qal xi ħadd, trid l-ewwel tgħidli jekk intix nisrani jew le.

    Tajba din! Kieku d-diskussjoni kienet dwar x’għandu jgħodd għall-insara, nifhimha. Imma d-diskussjoni kienet dwar x’għandu jgħodd għas-soċjetà kollha kemm hi – li hi lajka u tinkludi ċittadini bi twemmin reliġjuż differenti, inkluż in-nuqqas tiegħu.

    Mela l-bażi tal-valuri li fuqhom jittieħdu d-deċiżjonijiet trid tkun lajka. Dwar din id-deċiżjoni, hu immaterjali t-twemmin ta’ min qiegħed jiddiskutiha. Li tippretendi mod ieħor, hu eżempju ieħor tal-oskurantiżmu li għadu qawwi fis-soċjetà Maltija.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook