DAĦK FUQ KEMMUNA

  • Aww 22, 2016 06:45
  • Miktub minn Alfred Sant

    Personalment l-istorja ta’ kif tneħħew l-umbrelel żejda fil-bajja ta’ Kemmuna qabbditni d-daħk. X’aktarx hi storja li forsi tista’ tiġri biss f’Malta, jew Kemmuna jekk trid.

    Bl-aktar mod lampanti, ir-regolamenti kienu qed jinkisru b’dannu taċ-ċittadini Maltin, tat-turisti u tal-ambjent kollu kemm hu. Mhix xi ħaġa li ġrat għal jum jew tnejn. B’mod sistematiku u magħruf baqgħet tiġri u taggrava għal żmien twil. U l-azzjoni kontra l-abbuż baqgħet ma tteħditx sakemm għal ħafna, l-abbuż sar mod naturali kif jitmexxew l-affarijiet.

    Imbagħad, f’sitwazzjoni kompetittiva, min ma jabbużax ikollu jabbuża biex jibqa’ fil-wiċċ. Fl-aħħar, meta tasal biex tittieħed l-azzjoni kontra l-abbuż, din tidher qisha xi ħidma erojka, li timmerita titoli kbar u ritratti fil-midja.

    Mentri ħaġa ovvja: l-abbuż għandu jiġi kontrollat malli jispunta. F’pajjiżna dil-ħaġa tidher diffiċli li ssir u kulħadd jaf b’każi oħra barra minn din ta’ Kemmuna li għadhom iseħħu sal-lum. Mhux biss għal raġunijiet ta’ “politika”, imma wkoll għax kulħadd jiġi minn kulħadd; kulħadd jaf lil kulħadd.

    ***

    Patrick Holland

    Salvu Fenech, fl-orizzont tal-ġimgħa l-oħra, kiteb artiklu tassew tajjeb dwar Patrick Holland fit-tletin anniversarju minn mewtu. Ta rendikont preċiż, intimu, tal-ħidma politika tiegħu li osserva mill-qrib, u ħa hu nnifsu sehem dirett fiha.

    Kontroversjali kemm kien minn ċerti lati, ma hemm l-ebda dubju li Patrick Holland ta kontribut kbir lill-iżvilupp tal-Partit Laburista, kif ukoll tal-ħelsien u tad-demokrazija f’Malta. Kien xempju tajjeb tal-ħidma li ssir fi ħdan il-partiti politiċi b’mod li jagħmilhom element essenzjali tad-demokrazija parlamentari – jiġifieri, xirka ta’ nies magħqudin b’ideali u interessi soċjali simili, li jaqblu dwar proġett ta’ tmexxija għall-pajjiż u jipprovaw iġibu maġġoranza favur tiegħu.

    Kont naf lil Holland lejn l-aħħar ta’ ħajtu. Impressjonani ħafna b’kif kien jaf jorbot kull aspett tal-politika u tal-ekonomija, mal-ħajja reali ta’ kuljum li n-nies qed tgħix.

    ***

    Burkini

    Il-projbizzjoni tal-għawn bil-burkini f’xi bajjiet ta’ Franza hi problematika, mhux mhijiex. Wieħed jifhem li f’pajjiż li qala’ daqstant daqqiet terroristiċi f’isem l-Iżlam “fondamentalista” se jkollhom jiżdiedu l-isforzi biex jitrażżnu prattiċi li jistgħu jidhru bħala appoġġ lill-fondamentaliżmu. Min-naħa l-oħra, Franza hu l-pajjiż Ewropew li dejjem kien minn ta’ quddiem nett fil-ħarsien tad-drittijiet ċivili tal-bniedem.

    Ma tantx nifhem kif l-ilbies tal-burkini minn nisa li jixtiequ (u mhux għax ikunu mġiegħla) jgħumu b’dal-mod minflok ikunu aktar mikxufa, jista’ jitqies bħala xi ħaġa li tkabbar ir-riskji tat-terroriżmu jew li tħeġġeġ lejn il-fanatiżmu.

    Bl-istess mod lanqas nifhem kif l-għawm jibqa’ pjaċevoli minn ġo burkini.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook