TNIĠĠIS

  • Aww 18, 2016 06:35
  • Miktub minn Alfred Sant

    Meta l-ekonomija tibqa’ tirranka, hi ħaġa naturali li l-attenzjoni publika tiffoka aktar fuq materji li s-soltu jieħdu t-tieni jew it-tielet prijorità: bħall-kwistjonijiet ambjentali. Imma jista’ jkun ukoll li l-istess rankatura ekonomika trendi aktar akuti il-problemi “sekondarji”.

    Pereżempju, jidher li s-servizzi tat-tindif fil-pajjiż qed isibuha bi tqila biex irażżnu l-firxa ta’ żibel fit-toroq. Il-volum tiegħu żdied; ukoll l-indixxiplina tas-soċjetà tagħna; waqt li riżorsi għat-tindif baqgħu lura. Nissuspetta li ħaġa simili qed tiġri fir-rigward tat-tmexxija tal-Magħtab.

    Bl-istess mod: it-tniġġis tal-ibħra mill-gaġeġ fejn jitrabba t-tonn. Hemm ukoll żdiedu l-volum ta’ xogħol u l-abbużi.

    Wieħed jista’ jargumenta li ekonomija li qed tikber b’rata tajba, se jkollha aktar riżorsi biex tilqa’ għall-problemi bħal tat-tniġġis li jiżdied. Min-naħa dan veru; mill-oħra, dejjem jinqala’ dewmien bejn l-iżbroff ta’ problemi “ġodda” jew “akbar” u l-għarfien li biex tilqa’ tajjeb għalihom trid timmobilizza aktar riżorsi.

    ***

    Kanarini

    It-turiżmu fil-gżejjer tal-Canarias ilu jirranka għall-aħħar sitt snin. Tletin fil-mija tal-ekonomija tiddependi minnu.

    Dis-sena qed jistennew aktar minn 14-il miljun turist, seba’ darbiet il-popolazzjoni. Bħal Malta, jew aktar, jibbenefikaw minn klima mill-isbaħ li ma tantx tvarja matul ix-xhur u baħar ħanin.

    Skont il-ġurnal El Pais, fil-Canarias ma jridux jinqabdu f’ċirku vizzjuż fejn jibqgħu jistrieħu fuq l-istess formola biex jiġbdu t-turisti lejhom. Jekk, tinbidel il-moda ta’ fejn u kif isiru l-vjaġġi, jispiċċaw imdendla. Ukoll qed jinkwetawhom l-effetti li jistgħu jirriżultaw mill-Brexit peress li ħafna turisti huma Brittaniċi.

    Għaddej sforz bħalissa biex il-gżejjer iqisu x’mudelli ta’ bidla u żvilupp jistgħu jħaddmu ħalli jġeddu l-prodott turistiku tagħhom. Parti minn dil-ħidma hi maħsuba biex tara kif aktar mill-valur ekonomiku maħluq mit-turiżmu jinżamm fil-Canarias, mhux jittieħed minn azjendi barranin.

    Ta’ min insegwu x’inhu jiġri f’dan il-qasam fost il-Kanarini. Nistgħu nitgħallmu xi ħaġa minnu.

    ***

    Wara l-Brexit

    Skont rapporti fl-istampa Ingliża, il-gvern tar-Renju Unit qed isib diffikultajiet meta jiġi biex iħejji l-pożizzjonijiet tiegħu ħalli jinnegozja kif se joħroġ lill-pajjiż mill-Unjoni Ewropea. Fin-nofs hemm ukoll problemi prattiċi tal-uffiċjali li jeħtieġ biex il-gvern ikun jista’ jiddiskuti t-teknikalitajiet ma’ Brussell.

    Dil-ħaġa tiftiehem. Mill-bidu nett ma niżliltlix l-għaġla li biha ċerti Ewropej riedu li jitilqu n-negozjati tal-Brexit. Qishom ippikaw. Bħallikieku dawn l-affarijiet tista’ tittratahom b’pika.

    Pereżempju fuq kwistjonijiet ta’ kummerċ barrani, fejn l-Unjoni Ewropea għandha kompetenzi kbar, ir-Renju Unit matul is-snin kien naqqas bil-kbir in-numru ta’ uffiċjali li jamministraw il-qasam, la “kollox” kien isir mill-Kummissjoni Ewropea.

    Mhux possibbli terġa’ tibni personnel tiegħek fuq bażi nazzjonali f’dil-materja mil-lum għal għada.

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0