RANKATURA

  • Aww 15, 2016 06:58
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-konferma mill-aħħar statistika Ewropea ppubblikata li r-rankatura ekonomika tal-pajjiż għadha fis-seħħ tibqa’ tinkoraġġixxi aktar fiduċja fil-futur. Minnu nnifsu dan jiġġenera aktar attività ekonomika.

    Anki d-dokument pre-budget, li għadni ma rajtx ħlief permezz tal-verżjoni mqassra fil-midja, juri perspettivi interessanti fil-qasam tal-finanzi tal-gvern. Inħoloq “spazju fiskali” akbar biex il-gvern ikun jista’ jippożizzjoni aħjar l-investimenti u l-ispiża soċjali tiegħu.

    Hi eċċellenti l-għażla li qed issir biex fiċ-ċirkostanzi, jingħata aktar appoġġ lil dawk li waqgħu lura. Ċertament, trid tingħata attenzjoni li n-nefqa addizzjonali li dan jirrekjedi tibqa’ sostenibbli fil-futur qarib u mbiegħed, mira li se tkun possibbli.

    Fl-istess waqt, se tibqa’ kruċjali l-għażla ta’ x’investimenti pubbliċi se jsiru. Dawn iridu jimmiraw ħalli sa għaxar snin oħra talanqas, l-attrezzi ekonomiċi u soċjali tal-pajjiż jitjiebu bil-kbir fuq tal-lum. Bħal f’pajjiżi Ewropej oħra, it-turija hi li dan għandu jikkonċerna l-aktar l-ambjent, l-edukazzjoni u l-infrastruttura tat-trasport.

    ***

    Torrijiet

    Wieħed bilfors ikollu jissimpatizza mal-għaqdiet tal-ambjent li qed jipprotestaw qatigħ kontra l-proposti biex jinbnew torrijiet kbar f’Malta, uħud minnhom ilaħħqu għexieren ta’ sulari. F’daqqa waħda, Malta donnha ddeċidiet li tikkompeti ma’ Singapore.

    Jidhruli ġustifkati l-ansjetajiet dwar kemm l-infrastruttura tista’ tlaħħaq ma’ dawn l-iżviluppi, dwar kif se tinbidel id-dehra tal-pajjiż, u dwar kif se jintlaqtu ċ-ċittadini li jgħixu madwar dawn il-binjiet, kemm waqt li qed jittellgħu u kemm wara li jitlestew. Għandi d-dubji tiegħi dwar kemm l-istudji li saru dwar dawn l-aspetti u oħrajn, huma tassew serji.

    Biss hemm punt ieħor li ta’ min isemmi. Kemm verament minn dawn il-binjiet se jseħħu?

    Matul is-snin, hawn Malta ddelettajna bi proġetti grandjużi li baqgħu fuq il-karta. Il-proġetti kollha flimkien li qed jitħabbru se jkunu jeħtieġu self importanti ħafna mill-banek. Niddubita kemm se jsibuh. Did-darba x’aktarx li l-banek ikollhom raġun iġibuha bi kbira.

     

    ***

    Weekend" twil

    Fl-aħħar jiem kemm smajna kliem ta’ ferħ dwar il-fatt li l-festa ta’ Santa Marija ħabtet it-Tnejn, u offriet skop għal “weekend” twil. Jidher li ħafna u ħafna nies ikunu mxennqa għal btajjel bħal dawn, li saru kemxejn skarsi fl-aħħar snin.

    Mhux f’Malta biss li jingħoġob il-“weekend” twil. L-istess fil-Belġju, pajjiż fejn qed inqatta' ħafna żmien dan l-aħħar.

    Hemmhekk iċ-ċajta hi li l-Belġjani tant jinħallu għal “weekend” twil li anke l-istrajks ġenerali, jagħmluhom jew il-Ġimgħa jew it-Tnejn biex tmiem il-ġimgħa jkun ta’ tlett ijiem.

    Dis-sena, minħabba l-inkwiet soċjali li għadu jtektek, il-Belġjani setgħu jgawdu aktar mis-soltu il-pjaċiri li joffri “weekend” twil.

     

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0