IL-ĠNIEN TAL-EDEN

  • Aww 11, 2016 06:26
  • Miktub minn Alfred Sant

    Ta’ spiss tiltaqa’ ma’ nies, mhux bilfors anzjani, li jgħidulek kemm fi żminijiet oħra l-affarijiet kienu isbaħ, aħjar, aktar ġenwini, aktar interessanti mil-lum.

    Ħafna jħarsu lura b’nostalġija għal meta kienu iżgħar u naturalment x’aktarx jispiċċaw jigglorifikaw dak iż-żmien, b’paragun mal-preżent.

    B’ċertu mod, ikunu qed jirrepetu l-mit tal-ġnien tal-Eden, bħala tifkira ta’ żmien ta’ hena liema bħalha, żmien li spiċċa u mhux se jiġi lura. Hu mit attraenti, imma perikoluż.

    Għax wara kollox x’aktarx li fir-realtà, il-ħajja fil-Ġnien tal-Eden xejn ma kienet komfortabbli jew sabiħa għal Adam u Eva. Bla elettriku, bla ilma nadif, bla servizzi diċenti ta’ drenaġġ, żgur li kienu jgħixu f’kundizzjonijiet ta’ ħajja primittivi.

    Li tqabbel l-imgħoddi mal-preżent hi ħaġa li tiftiehem. Aħna lkoll ngħixu mill-memorji tagħna. Jiswa anqas l-isforz biex tiddikjara liema tippreferi jekk hux dak li “għadda” u mar, jew dak li qiegħed jiżviluppa.

    ***

    Politika Amerikana

    Aktar ma jgħaddu l-ġimgħat, aktar l-attenzjoni se ddur lejn l-elezzjoni presidenzjali fl-Istati Uniti. In-nomina ta’ Donald Trump, bil-pożizzjonijiet atroċi li baqa’ jieħu matul il-kampanja sa issa, qed toħloq ħafna ansjetajiet.

    Mhux biss qed jippreżenta ruħu bħala politikant instabbli, li ftit jimportah minn x'inhuma l-interessi tal-pajjiżi barranin l-aktar qrib u l-aktar imbiegħda mill-Istati Uniti. Talli jidher li għandu lsienu għaġġieli ħafna aktar minn moħħu. Dan tah il-profil ta’ raġel arroganti li lest jantagonizza sempliċement biex jibqa’ jidher macho mal-elettorat Amerikan “irrabjat” fejn l-aktar sab appoġġ.

    Il-persuna tal-President tal-Istati Uniti u l-politika li jħaddan huma suġġetti tal-akbar importanza għad-dinja kollha. Il-prospett li bniedem bħal Trump ikun fil-White House bilfors iqajjem inkwiet.

    Toqgħod taħseb, anke b’persuna bħal George Bush hemm, il-konsegwenzi għalina lkoll kienu diżastrużi.

    ***

    Kunsilli lokali

    Jekk hemm bżonn li ilu jinħass, dan hu ta’ studju ġdid u serju dwar fejn wasalna sal-lum bl-istituzzjoni tal-kunsilli lokali.

    Servew xi għan utli u jekk iva, sa fejn u kif? Jekk le, għaliex le?

    Fejn kienu l-aqwa kisbiet tal-kunsilli lokali u kif inkisbu? Bl-istess mod għad-“disfatti”.

    Għal xiex serviet il-politika partiġġjana fit-tmexxija tal-kunsilli lokali, fit-tajjeb u fil-ħażin?

    Ir-rwol tal-kunsilli lokali fil-ħajja tal-pajjiż qed jieħu l-apprezzament li jistħoqqlu? Għandu jitwessa’? Jiċċekken?

    Ir-relazzjonijiet bejn il-kunsilli lokali u l-gvern ċentrali, inklużi l-aġenziji tiegħu, huma mfassla b’mod li jgħodd għaċ-ċirkostanzi tal-lum, jew huma kontra-produċenti? Veru li ta’ spiss, il-kunsilli lokali jintużaw bħala paraventu għad-deċiżjonijiet tal-gvern?

    Fuq kollox, il-finanzjament tal-kunsilli lokali: Hu adekwat? Jitmexxa bil-galbu? Hu trasparenti, nieqes mill-għabra tal-korruzzjoni? Għandu jiżdied?

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0