VALLETTA

  • Aww 08, 2016 06:25
  • Miktub minn Alfred Sant

    Għal min bħali m’għadux jidħol ta’ spiss il-Belt, meta jagħmel hekk jintebaħ malajr li l-post qed jibdel il-karattru tiegħu. Żgur m’għadhiex il-Belt tas-snin sittin jew sebgħin tas-seklu l-ieħor: l-aktar jekk tqis iż-żona ta’ bejn id-daħliet tal-“bieb” ewlieni u ta’ Kastilja, sal-Palazz.

    Ma jagħmilx sens tistaqsi l-bidla hix għall-aħjar jew għall-agħar: kull bidla ssegwi l-ispirtu taż-żminijiet u l-gosti tal-ġenerazzjonijiet li jinbidlu. Il-bidliet isiru bil-mod u mhux kollha f’salt. Imbagħad jasal mument fejn bl-effett kumulattiv tagħhom jidher li l-kumpless kollu nbidel.

    Fil-libsa tal-lum, ssib firxiet usa’ għal dawl u moviment, sens aqwa ta’ rilassament, stabbilimenti aktar miftuħa għall-ħars minn barra.

    Li ma jogħġobnix hu xi ħaġa li nimmaġina li l-aktar togħġob lil ħaddieħor: naqas it-tferfix fit-toroq tal-“popolin” Malti, u dan mhux minħabba l-fawra tat-turiżmu. Stajt kont qiegħed fi kwalunkwe belt oħra qadima, ċkejkna u provinċjali tal-Belġju jew Franza. Imma forsi għal dan mhux il-bidliet tal-Belt jaħtu, daqskemm id-drawwiet importati mill-kummerċ globalizzat.

    ***

    Kapitali, kurrenti

    Ikun utli dibattitu publiku dwar ix-xejriet fl-ispiża publika bejn kurrenti u kapitali, illum u għas-snin li ġejjin. Ta’ spiss wisq, tkun l-ispiża kurrenti li ġġorr in-nefqa publika ’l quddiem, u dik kapitali, għall-investiment, tbati.

    Fl-aħħar snin, l-investiment publiku ma majnax minħabba li kienu deħlin il-fondi fuq proġetti mill-Unjoni Ewropea li dejjem jaslu fi tmiem ħames snin jew kemm ta’ tħejjija għalihom, u investiment varju ieħor tal-gvern li mhux se jirrepeti ruħu.

    Kif ikun ippjanat li l-bilanċ se jinżamm bejn iż-żewġ fonti ta’ spiża hi ħaġa ta’ interess strateġiku fil-pajjiż. Hu minnu li l-informazzjoni mogħtija toffri skop aktar tard għal kritika politika jekk din jew dik il-mira ma tinżammx. Imma dik hi n-natura tad-demokrazija.

    Fl-Ewropa llum, il-livelli ta’ investiment publiku tbaxxew sew. Dibattitu xieraq dwar ir-raġunijiet għal dan għadu nieqes.

    ***

    X’valur?

    Bl-ewro kif qed japplika għall-ekonomija Malta, għandna valur ta’ munita “baxx” jew “għoli” wisq?

    Bl-ebda mod ma nistgħu ninfluwenzaw il-valur tal-ewro minkejja li din hi l-munita “tagħna”. Imma tajjeb li nkunu nafu kif fiċ-ċirkostanzi eżistenti, dan il-valur qed jaffettwana mil-lat kompetittiv.

    Iċ-ċifri jagħtu dehra mħawda.

    Jekk tħares lejn l-indikaturi tal-inflazzjoni, juru li b’mod ġenerali din hi ogħla mill-medja Ewropea, li jista’ jfisser li l-valur tal-ewro għall-kuntest ekonomiku Malti qiegħed baxx.

    Jekk tifli l-indikaturi tal-produzzjoni industrijali, tista’ tikkonkludi li l-ewro għal Malta jagħti għall-għoli.

    Bħalissa, l-indikaturi tat-turiżmu x’aktarx li ma joffru l-ebda għajnuna fuq dil-kwistjoni għax das-settur qed jibbenefika bil-kbir mill-gwaj tal-kompetituri tagħna fil-Mediterran.

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0