Is-suq isuq

  • Aww 05, 2016 06:24
  • Miktub minn Charles Miceli

    Tiskanta kemm hawn min jemmen fid-domma li s-suq isuq. Fi kliem ieħor, anke jekk forsi din hi l-interpretazzjoni tiegħi tal-frażi "is-suq isuq", kulma għandna x’nagħmlu huwa li nħallu s-suq imexxi hu.

    U donna qed naslu fi stat fejn il-gvernijiet mhux talli m’għandhomx jindaħlu fis-suq, talli jekk inhu possibbli jasfaltawlu t-triq ħalli jsuq b’mod aktar veloċi. Aktar ma l-gvernijiet joħolqu l-kundizzjonijiet ħalli s-suq ikollu fejn isuq, hawn min jgħidlek li aktar se ngawdu.

    Kull tip ta’ ekonomija oħra barra dik tas-suq isuq hija meqjusa bħala dinosawru. U min jistaqsi sa fejn is-suq għandu jitħalla jsuq, malajr jiġi ttimbrat bħala antikwat jew komunist.

    Vantaġġi u żvantaġġi

    Bħal kull ħaġ’oħra, is-suq ħieles għandu l-vantaġġi u l-iżvantaġġi. Pereżempju hemm min jargumenta li fis-suq ħieles ikun hemm aktar sens ta’ kompetizzjoni u jispiċċaw il-monopolji.

    Sa ċertu punt dan huwa minnu. Aħna bħala pajjiż nafu sew li fejn kien hemm il-monopolji, spiss kien il-konsumatur li bata. M’hemmx għalfejn noqgħad naqla’ kadavri.

    Argument ieħor favur is-suq ħieles huwa li dan jimxi fuq id-domanda tal-konsumatur. Jiġifieri jekk il-konsumatur irid dak it-tip ta’ mowbajl, biex nagħti eżempju, inutli tippreżentali mowbajl inferjuri.

    Imma hawn ukoll ma nistgħux niċħdu li spiss il-kumpaniji l-kbar għandhom il-mezzi biex joħolqu d-domanda huma stess permezz tar-reklamar.

    Uġigħ u tbatija

    Ikollna nammettu li s-suq ħieles m’għandux vantaġġi biss. U aktarx iva milli le, hemm ċirkostanzi fejn joħloq uġigħ u tbatija. Mhux biss il-kumpaniji l-kbar ifittxu pajjiżi fejn jistgħu jagħmlu li jridu, anke jħaddmu t-tfal, imma jekk jistgħu jagħtu pagi inqas u kundizzjonijiet agħar mhux se jaħsbuha darbtejn.

    Fejn is-suq huwa ġungla, il-kbir jiekol iż-żgħir u jekk ma joħloqx monopolju, jagħmlu kartell bejniethom biex iżommu l-prezzijiet għoljin.

    Barra minn hekk, jekk ma jkunx hemm regolarizzazzjoni serja, fl-isforzi għal profitti dejjem akbar, spiss nisimgħu kif l-ambjent jispiċċa vittma tal-ġirja wara l-flus.

    X’nagħmlu?

    Il-mistoqsija hija: X’nistgħu nagħmlu f’dinja fejn is-suq sar baqra sagra? Bħala pajjiż daqs tikka, li żgur ma nistgħux ningħalqu fina nfusna, irridu nimxu ħafna bil-għaqal.

    U huwa d-dmir tagħna li ma nħallu lil ħadd jaqa’ lura. Personalment ma nistax naqbel mija fil-mija mal-idea tas-suq isuq meta naraw lill-ftit jimpalawhom filwaqt li oħrajn qed jissikkaw iċ-ċintorin.

    Għalhekk inħoss li jrid jinstab bilanċ bejn regolarizzazzjoni li toqtol is-suq u bejn suq li jitfa’ sezzjoni tan-nies fil-faqar.

     

     

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0