VOKAZZJONALI

  • Aww 04, 2016 06:08
  • Miktub minn Alfred Sant

    B’taħriġ jew tagħlim “vokazzjonali” jekk qed nifhem tajjeb, nirreferu għal dak li fl-imgħoddi konna nsejħulha edukazzjoni teknika, bħala apprendistat jew kif mogħtija fl-iskejjel tas-snajja'. Statistika Ewropea, ukoll jekk fhimtha tajjeb, jidher li tpoġġina lura sew f’dal-qasam. Fl-imgħoddi, mhux l-anqas minħabba t-tarznari, konna fuq ta’ quddiem.

    Matul is-snin, il-prestiġju u l-interess fix-xogħol tekniku battew. Is-snajja' tal-welding, tal-machining u oħrajn bħalhom donnhom qed jintilfu. L-enfasi twaddbet fuq l-“akkademiku” jew fuq firxiet ta’ tagħlim li interessanti kemm huma interessanti, ġieli jħalluk taf xi ħaġa fuq kollox, mingħajr ebda konċentrament fuq qasam tekniku wieħed fejn tkun “imgħallem”.

    Anki l-pubbliċità li ssir għal korsijiet tat-taħriġ tagħfas fuq oqsma li importanti kemm huma importanti, bħall-ġurnaliżmu, ma jistgħux joffru wisq opportunitajiet ta’ xogħol fil-futur. Is-snajja tekniċi marbuta mal-inġinerija mekkanika, elettrika u elettronika donnhom tħallew jaqgħu fit-tielet diviżjoni.

    Nittama li għandi żball. Tkun traġedja jekk pajjiżna jiġi jiddependi fuq ħaddiema barranin biex isostni ruħu f’dawn l-oqsma.

    ***

    Tbeżżigħ

    It-tbeżżigħ li għaddej dwar x’jista’ jiġri ta’ deni malli t-tanker tal-gass għall-power station il-ġdida, jitpoġġa fejn se jitpoġġa, qajjimli memorji ta’ aktar minn għoxrin sena ilu.

    Fil-Partit Laburista konna qed nagħmlu l-ewwel passi biex invaraw stazzjon privat tal-television. Teknikament ridna naraw kif u b’liema saħħa stajna noħorġu sinjal li jista’ jinqabad mill-biċċa l-kbira ta’ Malta u Għawdex.

    Tellajna antenna miċ-ċentru Laburista tar-Rabat biex naraw kemm u kif se jwassal. Minnufih il-PN kien ħareġ b’ħanġra daqsiex iwissi lin-nies, speċjalment ir-residenti tar-Rabat, li b’dak li qed nagħmlu konna qed inżidulhom iċ-ċans li jimirdu bil-kanċer. Dil-kampanja baqgħet għaddejja l-ġimgħat.

    Jgħaddi ż-żmien imma t-tattika tat-tbeżżigħ ma tantx tinbidel.

    ***

    Bilanċi

    Fit-triq li għad irridu nsegwu ħalli nilħqu standards ta’ governanza tajba, fit-tmexxija pubblika u privata, dilemma ewlenija hi kif se noħolqu sistemi ta’ bilanċi – “checks and balances” jgħidulhom bl-Ingliż – li jqisu l-ħtieġa biex id-deċiżjonijiet li għandhom jittieħdu, jittieħdu; u jqisu wkoll il-ħtieġa li d-deċiżjonijiet jittieħdu b’mod ġust u trasparenti.

    Ta’ spiss wisq fl-imgħoddi, anki bis-sistemi primittivi li għandna ta’ kontabbiltà, l-għodda tal-appell u ta’ kontestazzjoni kontra deċiżjoni meħtieġa intużaw b’mod effettiv biex joqtluha jew ibegħduha.

    Fl-istess waqt, deċiżjonijiet oħra ttieħdu fil-magħluq u ta’ malajr mingħajr ma ħadd kien jaf jew jimportah kif u fejn se jwasslu.

    Fiż-żewġ każi, r-riżultati kienu diżastrużi. Sal-lum ħafna mill-proposti li nisimgħu dwar titjib fil-governanza jidhru mnebbħa minn kalkoli tattiċi tal-mument, mhux minn konsiderazzjonijiet dwar xinhu raġonevoli u x’jista’ jitħaddem tajjeb fiċ-ċirkostanzi tas-soċjetà tagħna llum.

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0