TAJJEB, ĦAŻIN?

  • Aww 01, 2016 06:23
  • Miktub minn Alfred Sant

    Il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi li Spanja u l-Portugall ma jkollhom iħallsu l-ebda multa għax ma osservawx l-obbligi li daħlu għalihom biex iżommu d-defiċit fil-baġit tagħhom skont il-linji tal-Patt ta’ Stabbiltà bejn pajjiżi taż-żona ewro. Sena wara l-oħra kienu ngħataw kondizzjonijiet taħt il-Patt biex inaqqsu d-defiċit tagħhom. Imma ma laħquhomx.

    Skont il-Kummissjoni, hemm raġunijiet politiċi u ekonomiċi li joħorġu mill-qagħda attwali tal-Unjoni Ewropea li jiġġustifikaw għaliex, minkejja xi jgħidu r-regoli, iż-żewġ pajjiżi m’għandhomx jiġu “kkastigati” b’multi. Ir-regoli għandhom jiġu interpretati u mħaddma b’mod “flessibbli” u “intelliġenti”, sostniet il-Kummissjoni.

    Jiena naqbel li l-pajjiżi konċernati m’għandhom jiġu ċċarġjati l-ebda multa. Imma mhux għar-raġunijet li qajmet il-Kummissjoni. Jekk hemm patt u hemm regoli, dawn għandhom jiġu onorati.

    Naqbel għax il-patt innifsu u r-regoli li joħorġu minnu, mhumiex vijabbli. Dan l-istess bħal meta jkollok binja li hi mtellgħa fuq pedamenti difettużi. Biex issolvi l-problema, iżżomm l-istess pedamenti, u tressaq inġenji madwar il-wiċċ tal-binja, biex fejn ikun se jċedi xi ħajt għal barra, timbottah lura f’postu.

    ***

    2 le, wieħed iva

    Irċevejt numru ta’ messaġġi dwar li ktibt hawn, fuq kif qed jiġu trattati politiċi fil-ħajja privata tagħhom. Dan wara li tkellmet fuq hekk id-deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg fil-Parlament Malti.

    Ma stajtx ma nibqax nitbissem qares dwar il-kontenut ta’ wieħed minnhom. Kien jgħid hekk (bl-Ingliż): Two wrongs do not make a right. Żewġ dnubiet ma jagħmlux it-tajjeb (bil-Malti).

    Xi ħlew.

    Dnub waħdu mela, jekk jibqa’ waħdu, u ma jkollux min jikkopjah, jagħmel it-tajjeb. Bilfors: la “ħadd” ma jitkellem kontrih. L-ipokresija hi lampanti.

    ***

    Maġika

    Tassew ta’ min ifaħħarha l-inizjattiva tal-istazzjon tar-radju Magic Malta (tal-anqas fuqu li segwejtha) biex ixandar twissijiet dwar il-periklu li jaċċettaw bla ma jkunu jafu x’qed jagħmlu, dawk li jippubblikaw fuq il-medja soċjali dettalji dwar il-ħajja privata tagħhom.

    Jagħmlu dan b’sens ta’ ħbiberija u biex iwessgħu l-kuntatti tagħhom. Kif jgħidu t-twissijiet li qed jixxandru: l-hekk imsejħa “ħbieb”, kollha tassew nies li taf u tgħożż?

    Jidher li l-aktar li qed jintlaqtu ħażin minn din il-ħeġġa biex ikollok dejjem aktar “ħbieb” huma ż-żgħażagħ. Imma mhux biss.

    Ikun żball jekk l-orizzonti ġodda li fetaħ l-internet jingħalqu u jiddallmu. Hi għodda li qed toħloq għarfien ġdid ta’ kif aħna lkoll nappartjenu għal dinja wħada.

    Min-naħa l-oħra, qed tiftaħ kanal ġdid u wiesa’ għas-sindikajr, għall-bullying, għar-rikatt u għall-imbruljar, fost deni ieħor. Hu sew u xieraq li ċ-ċittadini jinżammu attenti għal dit-theddida.

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0