EWTANASJA

  • Lul 28, 2016 05:56
  • Miktub minn Alfred Sant

    Bħas-soltu, ftit jikkonvinċuni l-argumenti 'dommatiċi', did-darba kontra l-ewtanasja. Kif jintrabtu mal-fehma li l-ħajja trid titqies bħala sagrosanta għalkollox insibu l-agħar forma ta’ materjaliżmu.

    Jekk l-organiżmu tal-bniedem għadu jtektek bil-ħajja organika, jgħidulek, u anke jekk tilef kull funzjonalità, jew it-tifsira tal-ħajja kif tingħex b’mod dinjituż tintilef, xorta l-ħajja għandha tinżamm għaddejja, huma x'inhuma x-xewqat tal-indivdwu konċernat.

    Jekk se nagħtu valur reali lill-ħajja tal-bniedem, ma nafx kif nistgħu nqisu li xejn ma jkun inbidel meta l-ħajja tkun iddegradat tant li saret veġetattiva u tattakka kull dinjità fl-għajxien.

    Individwu li jixtieq jgħix hekk sal-aħħar għandu jiġi sostnut b’kull mezz possibbli. Bl-istess mod, min jiddeċiedi bil-maqlub, għandu jingħata l-opportunità li jattwa xewqatu.

    L-akbar problema fl-ewtanasja hi kif se jiġi żgurat li x-xewqat tal-individwu, naħa jew oħra, se jintgħarfu tajjeb.

    ***

    Turkija

    It-Turkija għaddejja minn żminijiet koroh. Dnub.

    Il-kolp li parti mill-armata pprovat tmexxi ma setax ġie fi żmien agħar. It-terroriżmu reġa’ spunta bil-kbir. L-instabbilitajiet tas-Sirja qed jheddu li jfuru għal ġol-pajjiż. Il-firda mill-Kurdi qed tiħrax. L-ekonomija qed tiskossja, bit-turiżmu jogħtor.

    L-awtoritarjaniżmu tal-President Erdogan kien fattur li kkontribwixxa għal din il-qagħda. Ma jispjegax kull ma qed jinqala’, kif donnhom iridu jsostnu ċerti Ewropej.

    L-attentat ta’ kolp kien att qawwi u vjolenti. Wieħed jista’ jqis ir-reazzjoni tal-gvern Tork bħala wisq qawwija. Biss ma nafx kif gvern leġittimu u legali seta’ ma jeħux passi drastiċi wara li l-kolp ingħeleb.

    L-Ewropa għandha bżonn Turkija b’saħħitha, demokratika, sekulari u Iżlamika, moderna u stabbli.

    ***

    Qarsa

    Qrajt bi tbissima pjuttost qarsa x’qalet fil-Parlament id-deputata tal-PN Claudette Buttigieg dwar il-ħajja privata tal-politiċi, u r-reazzjonijiet għad-diskors tagħha. Skont hi, l-ħajja familjari u privata ta’ nies fil-politika qed tinġab għall-attenzjoni publika b’mod abbużiv u inġustifikat.

    Aktar minn għoxrin sena ilu, jien kont fost tal-ewwel, forsi l-ewwel, li ġejt ittrattat b’dal-mod (flimkien ma’ familti). Matul is-snin, il-metodi ta’ kif saret dil-ħaġa ħraxu, mhux l-anqas minħabba l-iżvilupp tal-medja soċjali.

    Sa mill-bidu nett, l-intenzjoni fil-biċċa kienet waħda politika: ibni fuq l-għajdut ta’ kuljum biex tkasbar u ċċekken lill-persuna fil-mira, ħalli l-politika li qiegħda tesponi tiġi mminata. B’hekk, il-ħdura saret għodda politika ta’ kuljum.

    Ma niftakarx li tqajmu protesti min-naħa tal-PN dak iż-żmien. Anzi kien jintqal li l-poplu għandu d-dritt li jkun jaf. Meta l-affarijiet kienu jaqbżu l-limitu ta’ kull diċenza, kien jintqal li l-persuni responsabbli kienu jaħdmu għal rashom. Mur emmen.

    U issa fl-aħħar, politiċi Nazzjonalisti qed jipprotestaw kontra dit-tattika tal-ħdura. Tgħid għaliex?

     

     

     

     

    Simili

  • Agħżel storja li tixtieq tikkummenta dwarha u agħfas fuq il-ħolqa "ikkummenta" li tinsab taħt l-artiklu.

    Wara dan tinfetaħlek tieqa fejn tintalab tirreġistra. Agħfas fuq "irreġistra" u imla d-dettalji kif mitlub. Importanti li kull dettall imdaħħal ikun korrett. Minkejja li tintalab timla indirizz tal-imejl li huwa eżistenti u mhux fittizju, inti xorta tista' tikkummenta b'mod anonimu.

    Wara li tibgħat id-dettalji tiegħek, se tirċievi imejl fuq l-indirizz li rreġistrajt bih. F'din l-imejl se tirċievi security code.

    Ikkupjah u daħħlu fit-tieqa tar-reġistrazzjoni. Din hija proĊedura li ssir darba.

    Minn hemm 'il quddiem tkun tista' tikkummenta fuq kull artiklu bin-nom-de-plume tal-għaໝla tiegħek. Jekk issib xi diffikultà tiddejjaq xejn tikkuntattjana fuq 2590 0288.

Kummenti: 0

  •  

Facebook